Tfal morda bil-kanċer jiltaqgħu mal-Papa fil-Vatikan

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Papa Franġisku laqa’ fis-Sala Clementina tal-Palazz Apostoliku, grupp ta’ tfal li qed isofru mill-marda tal-kanċer u qed jingħataw kura fil-Klinika Onkoloġika ta’ Wroclaw fil-Polonja.

Il-Papa rringrazzjahom talli marru jżuruħ u qal li kien qed jieħu pjaċir jiltaqa magħhom.

“Il-mixja tagħkom fil-ħajja hi ftit diffiċli għeżież tfal, għax intom hemm bżonn li tiġu aħjar, tirbħu l-marda tagħkom jew tgħixu biha: u dan mhux faċli. Iżda għandkom ħafna ħbieb, ħbieb li jgħinukom ħafna. U anke l-ġenituri u l-qraba tagħkom jgħinukom biex tibqgħu mexjin ‘l quddiem.

“Aħsbu sew dwar dan: fil-ħajja ma hemm ebda diffikulta li ma tistax tintrebaħ. Ir-rebħa hi differenti għal kull persuna: kull persuna tirbaħ bil-mod tagħha, iżda l-ideal dejjem hu li tirbaħ u timxi ‘l quddiem. Taqtgħux qalbkom.

“U, ħaġ’oħra:  Alla ta Anġlu Kustodju lil kull wieħed minnha, minn meta konna għadna żgħar sakemm nixjieħu. Alla dan tahulna biex jgħinha f’ħajjitna. Kull wieħed minnha għandu Anġlu Kustodju. Ibdew kellmuh lill-Anġlu Kustodju biex hu jipproteġikom, jispirakom u jmexxikom dejjem lejn ir-rebħ fil-ħajja tagħkom.

“U lilkom li qed takkumpanjaw lil dawn it-tfal: grazzi! Grazzi talli tieħdu ħsieb dawn it-tfal u tgħinuhom jikbru”.

Imbagħad reġa’ dawwar ħarstu lejn it-tfal u qalilhom: “Rajtu kemm intom importanti, għax biex tisimgħu u tkellmu lill-Papa kellkom bżonn żewġ interpreti, ara kemm intom importanti!

Issa nixtieq nagħtikom il-Barka tiegħi imma qabel ejjew ngħidu flimkien Ave Maria bil-Pollakk,” temm jgħid  il-Papa lil dawn it-tfal.