L-Arċisqof Charles Scicluna ppresieda l-Assemblea Djoċesana 2018 li matulha saret evalwazzjoni tad‑dokumenti tas‑Sinodu Djocesan (1999 – 2003).

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li dawn il-jumejn ta’ evalwazzjoni u diskussjoni kienu l-bidu ta’ proċess li se jwassal biex id-dokumenti tas-Sinodu jiġu aġġornati b’mod li jirriflettu r-realtajiet soċjali preżenti u joffru proposti u inizjattivi ġodda ta’ kif il-Knisja twieġeb għalihom.

Id‑dokumenti tas‑Sinodu li ġew diskussi matul din l‑Assemblea huma:

  • il‑Knisja bħala komunità
  • is‑sehem u s‑servizz tal‑Knisja fis‑soċjetà
  • lir‑rwol tal‑lajċi Nsara
  • ix‑xandir tal‑Evanġelju
  • iċ‑ċelebrazzjoni tal‑liturġija u s‑sagramenti
  • id‑djakonija u l‑ġustizzja
  • iż‑żwieġ u l‑familja
  • l‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ

L-Arċisqof Scicluna awgura li din il-mixja ta’ tiġdid li l-Knisja f’Malta bdiet permezz tal-Assemblea Djocesana tkun mixja ta’ dixxerniment.

Mons. Sciculna inawgura pittura tal-artist Nathanael Theuma li turi d-dixxipli ta’ Għemmaws jagħrfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Hu qal li dan ir-rakkont huwa ċentrali fil-pjan pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.