Bosta Ewropej jagħmlu xirjiet sħaħ onlajn ta’ kuljum, u għalkemm ix-xiri onlajn hu ta’ benefiċċju għax dak li jkun jista’ jixtri li jrid minn liem pajjiż irid, jeżisti geoblocking, fejn wieħed ma jitħalliex jixtri xi ħaġa għax hi minn pajjiż differenti, iżda grazzi għal liġi tal-Unjoni Ewropea li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru, issa mhux se jkun hemm iżjed minn dan l-imblukkar.

Din il-liġi tobbliga lill-bejjiegħa li jagħtu aċċess lin-nies għall-oġġetti u s-servizzi li jridu, diment li jkunu fl-Unjoni Ewropea. L-MEPs approvaw din il-liġi fis-6 ta’ Frar li għadda.

Il-geoblocking isir meta jkun hemm xi restrizzjoni minn ħwienet onlajn ibbażata fuq nazzjonalità u post fejn toqgħod,inkella meta s-sit ma jaċċettax mezz ta’ ħlas minn pajjiż ieħor tal-UE, jew meta wieħed ma jkunx jista’ jirreġistra fuq sit minħabba fejn joqgħod.

Il-Parlament Ewropew ried li titwaqqaf din id-diskriminazzjoni, allura ra li jimplimenta liġi li tiffaċilita l-inklużjoni anke fix-xiri onlajn.