It-tfajla Għawdxija Michela Pace reġgħet kisbet kummenti mill-aktar pożittivi għall-prova tagħha u l-filmat tagħha reġa’ kiseb eluf ta’ likes meta xxerred fuq il-paġna internazzjonali The Best of X Factor.

F’sala nies li dehru emozzjonati bil-kant tat-tfajla, żewġ membri mill-ġurija tal-programm televiżiv X Factor Malta, Ray Mercieca u Alexandra Alden, qamu bilwieqfa u esklamaw li t-tfajla għad għandha biss 17-il sena, imma għandha talent inkredibbli tant li Ray qalilha li hi hija prova li l-programm X Factor joħloq is-superstars. Alexandra Alden qaltilha li ħaqqha ħafna iktar milli sempliċiment tingħata siġġu fil-kompetizzjoni.

Michela għażlet li tkanta Praying ta’ Ke$ha, biż-żewġ membri l-oħra tal-ġurija, Ira Losco u Howard Keith Debono, ukoll b’kummenti mill-aħjar, b’Ira tgħidilha li li kieku kellha tagħmel kunċert kienet tkun minn tal-ewwel li taqta’ biljett, u Howard qalilha li ma kienx hemm dubju li kien ħaqqha tibqa’ fil-kompetizzjoni. Qalilha wkoll li l-vuċi tagħha tfakkru f’dik tal-kantanta internazzjonali Sia.

Il-filmat tagħha għandu mas-6,000 like fuq il-paġna internazzjonali ta’ X Factor u xerrduh ‘il fuq minn 1,000 persuna.

Michela diġà kienet għamlet suċċess internazzjonalment meta kantat il-kanzunetta Total Eclipse of the Heart ta’ Bonnie Tyler. 

It-tfajla qalet li ma stennitx dan l-appoġġ kollu.