Dr Louis Galea, eks-Ministru fil-Kabinett tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, eks-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti kif ukoll eks-Awditur tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar is-Summit li kien sar f’Malta fl-1989 bejn l-eks President Amerikan George H. W. Bush u Mikhail Gorbachev tal-Unjoni Sovjetika kien ġab tama ġdida għal Malta u għad-dinja.

L-eks President Amerikan George H. W. Bush li kellu sehem ewlieni fil-Gwerra Bierda miet il-Ġimgħa fl-età ta’ 94 sena.

Fl-intervista fil-programm Follow-Up fuq RTK, Louis Galea jirrakkonta kif hu kien aktarx it-tielet persuna fil-Kabinett tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li sar jaf b’din iż-żjara storika.

In-Nazzjon, 1989

“Konna ilna fil-Gvern sentejn biss”

Jgħid kif waqt seduta tal-Parlament f’Ottubru tal-1989, il-Prim Ministru Fenech Adami kien avviċinah u qallu li dalwaqt kien se jkun hawn Malta l-President Amerikan George Bush.

Louis Galea qal li f’għajnejn il-Prim Ministru ra ħarsa ta’ aspettativa u sodisfazzjon għaliex wara sentejn biss li l-Partit Nazzjonalista tela’ fil-Gvern, Malta kienet se tkun fl-aħbarijiet madwar id-dinja kollha u b’hekk kienet se tieħu bixra pożittiva.

Qal li anke hu feraħ għar-reputazzjoni ta’ Malta għax qal li kellna bżonn nuru l-gżejjer Maltin f’dawl sabiħ internazzjonalment. Sostna li kien ċertifikat tajjeb għal Malta għaliex il-pajjiż intgħażel bħala l-post bejn iż-żewġ qawwiet internazzjonali fejn setgħu jiddiskutu l-paċi.

Louis Galea jispjega li kif l-aħbar tal-laqgħa bejn Bush u Gorbachev saret pubblika, f’Malta ma kienx hawn reazzjonijiet differenti. Qal li anzi kien hawn sodisfazzjon ġenerali fil-pajjiż. Skont Louis Galea, anki l-Partit Laburista wera s-sodisfazzjon li laqgħa bħal din kienet qed issir f’Malta.

L-isfidi tas-summit f’Malta bejn Bush u Gorbachev

Mistoqsi dwar l-isfidi li summit bħal dan ġab miegħu f’dawk iż-żminijiet, Louis Galea jgħid li l-ewwel sfida kienet li l-Gvern Nazzjonalista jikkonvinċi li ż-żewġ mexxejja biex jiġu f’Malta u jżuru lill-Prim Ministru f’Kastilja. Jgħid li għall-ewwel it-talba kienet li s-summit isir fl-ibħra Maltin mingħajr ma jinżlu fuq art Maltija. Din l-isfida ingħelbet u ż-żewġ mexxejja kellhom taħditiet mal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Is-Summit propja kien sar abbord il-bastiment Sovjetiku ‘l barra mix-Xatt ta’ Marsaxlokk bejn it-2 u 3 ta’ Diċembru 1989.

Louis Galea semma wkoll li s-sistemi ta’ telekomunikazzjoni kienet sfida oħra għall-Gvern ta’ dak iż-żmien. Jgħid li peress li f’Malta kienu ġew għadd ta’ ġurnalisti minn madwar id-dinja, il-Gvern kien għadu fil-fażi li jibdel is-sistema tat-telefonija iżda kien trasforma s-sala tal-Mediteran għall-konferenzi bħala Press Room internazzjonali.

Louis Galea jtemm jgħid li bis-Summit ta’ Malta, it-tamiet għall-paċi madwar id-dinja kollha kienu “telgħu m’ogħla s-smewiet” iżda jgħid li sfortuntament, bil-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 dawn it-tamiet intilfu u jgħid li “reġa’ tefa’ lid-dinja lura”. Jistqarr li aktarx “illum qiegħdin iktar lura milli konna f’dawk il-mumenti ta’ tama ġdida”.

In-Nazzjon, 1989