knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi stqarr li s-salib tal-vittma ta’ vjolenza domestika mhux li taċċetta jew tissaporti l-abbuż, imma l-ħidma iebsa li trid tagħmel biex teħodha kontra l-abbuż. Huwa appella biex dan jiġi rripetut lil kull min b’xi mod jagħti parir lil dawn in-nies.

Mons. Galea-Curmi qal dan f’omelija waqt quddiesa fil-Kappella ta’ Dar Qalb ta’ Ġesù f’Santa Venera, li saret għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u l-istaff tad-djar li jaħdmu ma’ dawn il-vittmi. Huwa stqarr li l-vjolenza qatt m’għandha tiġi affaċċjata bi vjolenza oħra, jew billi tħalliha għaddejja, imma b’azzjoni pożittiva u b’ħidma determinata.

Filwaqt li rrefera għal dak li kien enfasizza s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta, li l-abbuż qatt m’għandu jiġi aċċettat jew tollerat, l-Isqof saħaq li kull sitwazzjoni ta’ abbuż hi kerha u kundannabbli bla riserva. Talab li tittieħed azzjoni f’waqtha.

“Il-vjolenza fil-familja hi l-agħar”

Mons. Galea-Curmi stqarr li l-vjolenza fil-familja hi mifruxa u li hi fost l-agħar vjolenza li wieħed jista’ jesperjenza għax hi mwettqa minn min suppost iħobbok u suppost jipproteġik.

Saħaq li l-vjolenza fil-familja hi dejjem ħażina u qatt ma tista’ tiġi ġustifikata, irrelevanti miċ-ċirkostanzi. Fisser kif il-vjolenza tfarrak lill-persuna, tkissrilha l-istima tagħha nnifisha; taqtagħha mill-kumplament tal-familja u xi drabi twassal għal mard serju u konsegwenzi koroh.

Semma ambjenti fejn nisa u tfal u xi drabi anke rġiel jiġu abbużati u mbeżżgħa, u anke umiljati minn xi membru ieħor tal-familja, u li kultant anke jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza ħarxa.

“Il-Knisja trid tgħinhom joħorġu minn sitwazzjoni ta’ abbuż”

L-Isqof Awżiljarju stqarr li għall-Knisja każ wieħed biss diġà hu gravi ħafna u ta’ dispjaċir kbir. Irrimarka li l-Knisja hi impenjata bis-sħiħ biex tgħin lil dawk li huma b’xi mod vittmi ta’ vjolenza domestika u trid twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawn il-vittmi u tgħinhom joħorġu minn sitwazzjoni ta’ abbuż, u biex iħarsu ’l quddiem b’determinazzjoni bl-għajnuna ta’ persuni kwalifikati.  Esprima l-apprezzament tal-Knisja għal dawk li jaħdmu f’dan il-qasam  biex jgħinu lill-vittmi b’kull mezz.

“Id-dinjità tal-persuna mhix kemm inti b’saħħtek jew kemm tista’ tbeżża’”

Appella wkoll biex kulħadd jgħid ‘le’ għall-vjolenza fil-familja. Enfasizza li d-dinjità tal-persuna mhix ġejja minn kemm inti b’saħħtek u kemm tista’ tbeżża’, imma minn kemm tuża s-saħħa biex twieżen lil dawk l-aktar batuti u tferraħ lil dawk ta’ madwarek.

“Għinu lil min qed isofri”

Appella lill-insara, mhux biss biex qatt ma jirrikorru għal vjolenza, imma biex jgħinu lil min qed isofri minn din il-problema. Semma diversi għemejjel żgħar li jistgħu jkunu importanti, fosthom li jgħaddu informazzjoni dwar fejn tinstab l-għajnuna professjonali, jisimgħu u jagħdru lil min hu mweġġa’ u jimxu ma’ min inqata’ minn nies ta’ madwaru.

Wara l-Quddiesa l-Isqof Galea-Curmi kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-vittmi ta’ vjolenza domestika u jisma’ l-esperjenzi taghhom. L-attività ttellgħet mill-Fondazzjoni tal-Knisja Ejjew Ghandi. Preżenti kien hemm vittmi u staff ta’ Programm Sebħ, Merħba Bik, ix-xelter Għabex u mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-APPOĠĠ u s-SOAR.

Aqra l-omelija sħiħa hawn.