L-Ewroparlamentari Roberta Metsola qalet li liġi qed toħloq għall-Unjoni Ewropea trid tassigura li pajjiżi bħal Malta, li għandhom fruntieri esterni, ma jibqgħux responsabbli tal-immigranti għall-perjodu sħiħ li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea. Tispjega li l-liġi tipproponi li jitnaqqas il-piż sproporzjonat tal-immigrazzjoni u li pajjiżi oħra bħal Latvja, il-Litwanja u d-Danimarka, li bħalissa mhux entużjasti jilqgħu l-immigranti, jerfgħu il-piż ukoll.

Tgħid li Malta għandha tkompli tagħmel il-pressjoni biex jittaffa l-piż fuq il-pajjiż, tiżdied il-ħidma biex jitkissru n-networks tat-traffikar tal-bnedmin u tiżdied l-għassa biex tkun ikkontrollata l-problema ta’ ammonti kbar ta’ droga deħlin mill-Albanija.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq RTK, Dr Metsola qalet li l-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponiet analiżi tan-nuqqasijiet fil-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE u b’hekk qed tissaħħaħ din il-liġi. Jirriżulta li m’hemmx biżżejjed riżorsi fl-aġenzija li tassigura kontroll tal-fruntieri, li jinkludu lil Bulgarija bi fruntiera mat-Turkija sal-Fillandja bil-fruntiera mar-Russja.

Dr Metsola tkompli li jrid ikun assigurat li kull port u ajruport ikollu r-riżorsi meħtieġa biex ikun magħruf min dieħel u min ħiereġ fl-istati membri. B’hekk bil-fruntieri esterni kkontrollati, il-pajjiżi membri jibqgħu igawdu mill-fiduċja ta’ xulxin bis-sistema Schengen li tippermetti moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea. Il-pass li jmiss imbagħad ikun li ladarba jsiru l-emendi fil-liġi, din tiġi negozjata fil-Parlament Ewropew u mal-pajjiżi rappreżentati fil-Kunsill tal-Ministri. Tispjega kif il-ħidma qed issir biex pajjiż ma jibqax responsabbli waħdu mill-immigranti. “Ma jistax ikun ikollok politika migratorja li tħenn u tilqa’ persuni li qed jaħarbu minn gwerra imma m’għandhiex politika migratorja b’saħħitha biżżejjed biex min mhux eliġibbli għall-kenn ma jintbagħatx lura pajjiżu,” tkompli Dr Metsola.

L-Ewro Parlamentari tal-PN tispjega li mhux aċċettabli l-attakki kontra l-Oppożizzjoni għax din tikkritika li Malta għandha politika bla kontroll ta’ kemm jidħlu barranin f’Malta. Dr Metsola tgħid li l-PN qed jistaqsi għalfejn hemm ħaddiema f’kundizzjoni li ma nistgħux nipproteġuhom. Issemmi li l-problema li hemm persuni li jgħixu f’żona industrijali, jitħallsu ammont żgħir ħafna, jinġiebu għal xahar jew xahrejn b’mod li ħadd ma jaf bihom, u imbagħad jintbagħtu lura qabel isiru jafu bihom il-pulizija. Appellat biex ikun magħruf x’nuqqasijiet hemm fl-ekonomija u jsir pjan sabiex jimtlew dawn il-postijiet vojta.

Dwar l-attakki fuqha li jalleggaw li hi tattakka lil Malta fil-Parlament Ewropew, Dr Metsola twieġeb li fejn trid li l-affarijiet jimxu sew f’pajjiżha, titkellem daqs li kieku seħħ xi ħaġa f’pajjiż ieħor – tgħid li l-messaġġ tagħmlu b’mod konsistenti kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. Tispjega li l-ikbar biżgħa tagħha hi li wara li Malta bniet reputazzjoni b’saħħitha wara snin twal ta’ ħidma u attirat l-aqwa investiment lejha, dik ir-reputazzjoni m’għadhiex teżisti, u huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-investiment jibqa’ jinġieb lejn Malta.