L-Isqof Mario Grech qal li kulħadd jiltaqa’ ma’ xi terremot f’ħajtu, xi ħaġa li theżżu u ma tħallihx f’sikktu, saħansitra tifirdu minn Alla, imma għandu jibqa’ jittama u jqawwi qalbu għax xi darba għad jiltaqa’ ma’ Bin il-Bniedem biex jifdih.

Huwa u jagħti l-omelija fl-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur is-Sibt li għadda, l-Isqof t’Għawdex tkellem fuq id-diffikultajiet varji li jaffaċċjaw il-bnedmin: kriżi finanzjarja, problemi ta’ mard, kriżijiet fir-relazzjonijiet, imma huwa kkonkluda li l-kriżi tal-kriżijiet kollha hija dik tal-fidi, li xi wħud isejħulha “l-lejl tal-ateiżmu.”

L-Isqof kompla billi ġab eżempju b’Marie Noel, kittieba Franċiża li t-terremot f’ħajjitha kien meta tilfet lil ħuha, u bdiet tistaqsi lil Alla kif hu jista’ jippermetti ħażen ta’ din ix-xorta. Madankollu, hija ltaqgħet ma’ qassis twajjeb li għallimha tkun konvinta mill-imħabba t’Alla. Hija qalet li f’dak il-punt f’ħajjitha kienet “bħal xemgħa bejn ser tintefa u tixgħel, imma ma ntfietx għalkollox,” għax kien fadlilha ftila tnemnem, li kienet il-fidi. L-istorja ta’ Marie tintemm b’meta hija bieset is-salib ta’ Kristu msallab u donnha semgħetu jgħidilha li hu wkoll ibus is-salib tagħha, ukoll iġorr il-piż tal-problemi tagħha.

Għaldaqstant, l-Isqof Grech ikkonkluda li mhux biss għandna nfaħħru lil Alla – “Te Deum laudamus,” imma anke lill-bniedem, li qalb it-terremoti kollha ta’ ħajtu, xorta jagħraf iħobb u jemmen f’Alla, għalhekk, l-Isqof ħeġġeġ lin-nies biex jgħidu wkoll “Te hominem laudamus,” b’tifħir lill-bnedmin.