Il-Papa Franġisku jiltaqa' mal-missjunarji

F’Ottubru tas-sena li għaddiet il-Papa Franġisku kien ordna li x-xahar ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, (2019), ikun dedikat kollu kemm hu għall-Missjoni.

Immedjatament, il-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli taħt it-tmexxija tal-Kardinal Fernando Filoni, bdiet taħdem biex ikun ċelebrat kif imiss dan ix-xahar tant li nhar il-Ġimgħa li għadda waqt konferenza tal-aħbarijiet, tħabbru il-logo, is-sit elettroniku u l-gwida ta’ attivitajiet għal din l-okkażżjoni. Tħejja wkoll video.

It-tema tax-Xahar Missjunarju hi: “Mgħammda u Mibgħuta – il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja”. Il-missjoni hi l-proposta ta’ fidi li Alla jagħmel lill-bniedem.

Il-Kardinal Filoni spjega li l-Konċilju Vatikan II kien wera x-xewqa li “dak kollu li jsir għall-imħabba joħloq relazzjoni fundamentali. Il-missjoni jekk ġejja mill-fidi li tħobb, hi relazzjoni”. L-attività missjunarja hi l-ogħla xogħol tal-Knisja. Għalhekk, il-Konferenzi Episkopali, id-djoċesijiet, il-parroċċi u l-movimenti kollha madwar id-dinja jridu jkunu fi stat missjunrju permanenti għax m’hemm ebda aspett tal-attività fil-Knisja li ma jagħmilx riferenza għall-missjoni, sostna l-Prefett.

Is-sit elettroniku maħluq apposta għal din l-okkażżjoni għandu l-iskop li jippromwovi u janima ix-Xahar Straordinarju tal-Missjoni, biex bil-kontenut multi-medjali li se jkun fih, jispira ħinijiet ta’ talb u riflessjoni tal-insara.

Fis-sit se jkun hemm ukoll taqsimiet b’temi partikolari, rubriki u stejjer ta’ missjunarji tal-lum u oħrajn li llum saru qaddisin.

Il-gwida nkitbet mill-Kongregazzjoni għall-Evanġeliżazzjoni tal-Popli bl-iskop li sservi lid-djoċesijiet differenti fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ formazzjoni u animazzjoni missjunarja u tispira l-kreattività tal-knejjes lokali.

It-taqsimiet tal-gwida jikkorrispondu mat-temi indikati mill-Papa Franġisku għal dan ix-xahar li jinkludu: il-laqgħa personali ma’ Kristu li jgħix fid-dinja;  ix-xhieda tal-missjoni li taw il-qaddisin u l-martri; u l-formazzjoni kataketika tal-missjoni u tal-karità missjunarja.

Fl-aħħarnett, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħatat spjega tal-logo li nħoloq għall-okkażżjoni. Dan jirrapreżenta s-Salib Missjunarju bil-kuluri tradizzjonali li jissimbolizzaw il-ħames kontinenti. Is-Salib hu sinjal effettiv tal-għaqda bejn Kristu u l-bniedem u hu sinjal tar-rebħa u r-resurezzjoni. Il-kliem “Mgħammed u Mibgħut” jfissru iż-żewġ elementi ta’ kull nisrani: il-Magħmudija u l-Proklamazzjoni.

L-aħmar fost il-kuluri tas-salib, ifisser id-demm imxerred mill-martri, l-aħdar jissimbolizza iż-żogħżija, l-fertilità u l-vitalità u t-tama. L-abjad hu simbolu tal-ferħ, il-bidu ta’ ħajja ġdida ma’ Kristu. L-isfar juri d-dawl filwaqt li l-blu il-kulur tal-ilma u tal-ħajja u tas-sema –sinjal li Alla qed jgħix magħna l-bnedmin.