Raġel ingħata sentenza ta’ 480 siegħa ta’ servizz fil-komunità wara inċident tat-traffiku fl-2006 li wassal għall-vjolenza. Wiċċ student ta’ 19-il sena spiċċa sfigurat.

Fil-Qorti nstema’ kif Philip Cauchi ta’ 45 sena minn Ħaż-Żebbuġ kien riekeb fil-karozza tat-tfajla tiegħu f’Marzu tal-2006 f’parkeġġ privat. Karozza daħlet fuq il-karozza tagħhom imma telqet minn fuq il-post. Cauchi pprova jiġri wara l-karozza imma kien kollu għalxejn. Intant, it-tfajla tiegħu li kienet ħarġet mill-karozza intlaqtet minn karozza differenti misjuqa minn student ta’ 19-il sena. Dan waqaf fuq il-post imma Cauchi fetaħlu l-bieba u beda jxejjer daqqiet ta’ ponn lejn wiċċ l-istudent.

Cauchi ġie akkużat li weġġa’ lill-istudent b’mod gravi u li pprova joqtlu. L-aħħar akkuża waqgħet wara xi żmien.

Fil-Qorti, Cauchi u t-tfajla tiegħu allegaw li l-istudent intlaqat minn karozza imma l-istudent baqa’ jsostni li kien Cauchi li kien weġġgħu. L-esperti tal-Qorti qablu mal-verżjoni tal-istudent. Il-Qorti qalet li ma kienx aċċettabli li persuna li tieqaf meta jkun seħħ incident tispiċċa aggredita, sfigurata, u tgħaddi minn trawma psikoloġika.

Il-Qorti ħadet nota tal-ammissjoni tal-akkużat li qal li kien tilef kontroll tal-emozzjonijiet tiegħu u li piena fil-ħabs kienet tkun kiefra wisq. Il-Qorti sabet lill-akkużat ħati li weġġa’ lill-istudent b’mod gravi u ordnatu jservi 480 siegħa xogħol fil-komunità.