NexiaBT

L-accountant Brian Tonna li huwa wkoll is-sid tal-kumpanija NexiaBT ingħata kariga bħala konsulent mal-Gvern għal madwar €60,000 fis-sena skont ir-Reuters.

Skont ir-Reuters, Tonna li fetaħ kumpaniji offshore għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u għall-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, kien konsulent full-time bejn Awwissu tal-2014 u Awwissu tal-2016. Minn dakinhar kien ħadem part-time sal-31 ta’ Awwissu tal-2017. Ir-Reuters qalet li l-paga li kien jaqla’ Tonna kienet kważi għolja daqs tal-Prim Ministru.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal mar-Reuters li xogħol Tonna bħala accountant għal ċertu politiċi fil-Gvern kien f’kunflitt mal-kuntratti li ngħata mill-Gvern.

Tonna għażel li ma jikkumentax mar-Reuters. Kelliem għall-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Muscat ma kienx involut fl-għoti tal-kuntratt mal-Gvern lil Tonna.

Ir-Reuters qal li Tonna ġie impjegat bħala konsulent għall-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Dan ix-xogħol huwa apparti minn kuntratti oħra b’valur ta’ €800,000 mgħotija minn Ministeri tal-Gvern lil NexiaBT, il-kumpanija ta’ Brian Tonna.

Fi stqarrija, kelliem għal Bonnici qal li Tonna u NexiaBT offrew pariri u gwida teknika fuq affarijiet finanzjarji b’rabta ma’ proġetti infrastrutturali fil-qasam tal-kultura. Mistoqsi dwar jekk l-impjieg ta’ Tonna kienx jinvolvi kunflitt ta’ interess u kif dan jiġi mmaniġġjat, il-kelliem ma weġibx.

L-irwol ta’ Tonna bħala dak li ħoloq il-kumpaniji għal Schembri u Mizzi ġie żvelat mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Id-dettalji tal-konsulenzi mal-Gvern ta’ Tonna ġew minn Freedom of Information Requests mit-Times of Malta. Ir-riżultati ngħataw lir-Reuters.

Fil-Parlament illum, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li hemm sistema li tiddetermina l-ħlas tal-konsulenti tal-Gvern. Bonnici qal li ma ħareġ xejn ġdid mill-istorja tar-Reuters. Spejga li ministri jistgħu jimpjegaw erba’ konsulenti.