L-istudenti tal-Baċellerat fil-Home Economics qed jorganizzaw inizjattiva fejn persuni jistgħu jieħdu l-ħwejjeġ qodma tagħhom li ma għadhomx jilbsuhom u jparrtuhom ma’ dawk ta’ persuni.

Studenta tat-tieni sena, Sherona Debono, tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u spjegat li din l-inizjattiva hija parti minn kampanja bl-isem ta’ “Ethical Fashion Campaign”, fejn l-istudenti qed joħolqu aktar kuxjenza dwar x’għandna nagħmlu bil-ħwejjeġ. Spjegat li wieħed ma għandux jarmi l-ħwejjeġ imma għandu jużahom b’mod aktar sostenibbli.

L-attivitajiet bdew ilbieraħ u se jkomplu llum bejn l-10am u t-3pm fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta. L-istudenti taw taħriġ ukoll ta’ kif tista’ tneħħi t-tbajja minn fuq il-ħwejjeġ u anke kif tista’ tagħti l-kulur lill-ħwejjeġ tiegħek b’mod naturali billi tuża prodotti bħall-kafè.

Filmat: Miguela Xuereb