Omm irrakkuntat kif meta kienet sejra lura lejn il-lukanda, raġel segwiha sa kamartha imbagħad uża l-forza fuqha, stupraha u saħansitra kisrilha numru kbir ta’ għadam f’ġisimha.

Jennifer Christie kienet qed tirrakkonta l-esperjenza tagħha waqt intervista’ ma’ Fr Joe Borg li se tkun qed tixxandar fuq il-programm Follow Up nhar it-Tnejn 10 ta’ Diċembru. Christie irrakkuntat kif fl-2014, wara ġurnata taħdem bħala interpretu f’North Carolina, saqet lejn il-lukanda sabiex tmur lura fis-sħana ta’ ġewwa hekk kif inzertat ġurnata kemmxejn kiesħa.

Filwaqt li qalet li ma ndunatx li kienet qed tiġi segwita minn xi ħadd, baqgħet sejra dirett lejn il-kamra tagħha. Iżda meta daret sabiex tagħlaq il-bieb warajha rat raġel fil-fetħa tal-bieb. Ir-raġel aggrediha b’mod vjolenti u strupraha tant li ħalliha għal għomorha bi ġrieħi fiżiċi u emozzjonali.

Waqt intervista esklussiva, Christie rrakkuntat li għamlet minn kollox biex tiġġieled lir-raġel anke minkejja li kellha s-swaba miksurin u anke l-kustilji miksurin. Madanakollu kien hemm punt fejn ingħalqet fiha nnifisha u qalet “minkejja dak kollu li qed jiġri lil ġismi, ma jistax immiss lil ruħi”.

Flimkien mar-raġel tagħha Jeff, Christie se tkun waħda mill-kelliema waqt il-marċ annwali favur il-ħajja organizzat mill-Life Network Foundation Malta nhar il-Ħadd li ġej fit-3.30pm fi Pjazza Kastilja.