CMRU

Tlett irġiel akkużati li kellhom madwar 870,000 sigarett tal-kuntrabandu ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

It-tlett irġiel, tnejn minn Ħal Qormi u wieħed mill-Marsa jinsabu akkużati li impurtaw sigaretti tal-kuntrabandu f’Malta u li evadew it-taxxa. Wieħed minn dawk minn Ħal Qormi jinsab akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ dgħajsa mhux reġistrata u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’Lulju.

Fil-Qorti, spettur tal-Pulizija spejga li fis-7 ta’ Novembru kienu qed isegwu d-dgħajsa li tħalliet fil-baħar fil-Gżira. Għall-ħabta ta’ nofsilejl, id-dgħajsa telqet lejn iż-żona magħrufa bħala tal-Fekruna. Wieħed mill-akkużati saq s’hemm b’vann. Fuq il-post, l-irġiel bdew iħottu kaxex mill-opra tal-baħar għal ġol-vann.

Aqra: Ritratti: Isibu dgħajsa bi 870,000 sigarett tal-kuntrabandu

Il-Pulizija sparat tir ta’ twissija u dak il-ħin wieħed mill-akkużati qabeż il-baħar. Però, uffiċjal tal-pulizija qabeż warajh u arrestah. Wara tfittxija fid-dgħajsa l-Pulizija sabet il-kaxxi bis-sigaretti.

Sid id-dgħajsa ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €5,000. L-oħrajn ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-każ ikompli.