Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal fil-Parlament li minkejja li għadu fi stadju bikri, jidher ċar illi l-Panorama Hotel ma tikkwalifikax biex tibni b’għoli li jeċċedi dak stipulat fil-Pjan Lokali. Dan qalu waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-whip Nazzjonalista Robert Cutajar.

Il-Ministru Borg spjega li l-applikazzjoni għall-estensjoni ta’ tliet sulari tal-lukanda ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-21 ta’ Novembru u dan ifisser li l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata li jtemm l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni jagħlaq fil-21 ta’ Diċembru.

Il-Ministru spjega li d-Direttorat tal-Ippjanar irid jifli l-każ sew wara li jkun ingħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni tal-applikazzjoni. Qal li l-proċess jista’ jinkludi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti jkollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri u b’hekk tibda t-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Ir-rapport finali mbagħad ikun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Dan irid jintbagħat għand il-Kummissjoni għall-Ippjanar sal-11 ta’ April tal-2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru sostna li d-Direttorat tal-Ippjanar iħoss illi f’dan l-istadju bikri fejn għad m’għandux l-evidenza, l-informazzjoni u l-kummenti esterni kollha, mhux fil-pożizzjoni illi jikteb ir-rapport finali. Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar, mingħajr ir-rapport li trid tara bil-liġi ma tistax tieħu deċiżjoni.

Minkejja dan, il-Ministru Borg sostna li d-Direttorat diġà kkunsidra l-fatt illi l-proposta ta’ żieda ulterjuri fl-għoli tal-bini ta’ din il-lukanda ma tikkonformax mal-policy tal-“Height Limitation Adjustment Policy for Hotels” approvata f’Ġunju tal-2014. Skont il-Ministru, is-sit tal-lukanda jinstab fil-limiti taż-Żona ta’ l-Iżvilupp, adjaċenti ma’ Żona Rurali filwaqt li mhux f’żona Turistika, kif ukoll jinstab fix-xifer tal-irdum tal-Mellieħa.

Il-ġimgħa li għaddiet, Luke Caruana li huwa kandidat għall-MEP f’isem l-Alternattiva Demokratika ssottometta oġġezzjoni kontra dan il-proġett. Il-whip Nazzjonalista Robert Cutajar kien oġġezzjona għal dan il-bini wkoll fil-Parlament.