L-Arċisqof Ivan Jurkovic jitkellem dwar il-ħsara kbira kaġunata mill-armamenti

Meta kien qed jindirizza konferenza dwar l-armamenti li saret fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, Mons. Ivan Jurkovic, rappreżentant permanenti tal-Vatikan ġedded l-appell tas-Santa Sede lill-komunità internazzjonali biex tkompli fit-triq li qabdet biex tonqos it-tbatija u jkunu mitigati l-konsegwenzi negattivi tal-ġlied.

“Kull pass f’din id-direzzjoni jgħin biex jiżdied l-għarfien li l-krudelta tal-kunflitti għandha titwarrab għal kollox biex ikunu solvuti t-tensjonijiet bi djalogu u n-negozjati filwaqt li jkun assigurat li tkun rispettata l-Liġi Internazzjonali.

Is-Santa Sede, permezz ta’ Mons. Jurkovic esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-progress li sar fil-projbizzjoni jew regolamentazzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ armamenti, iżda fl-istess ħin wera tħassib serju fuq l-użu ta’ splussivi u armi inċendjarji u sistemi awtonomi ta’ armamenti li joqtlu jew armamenti robotiċi.

Hu spjega l-effetti qerrieda li jħallu bombi li jisplodu f’postijiet abitati li jwasslu għal imwiet jew diżabilitajiet permanenti.  Dawn iħallu wkoll warajhom fdalijiet li jistgħu joqtlu jew jimmankaw nies ħafna wara li jkun spiċċa l-kunflitt.

L-użu ta’ armi konvenzjonali b’saħħithom f’żoni urbani qed joħolqu miljuni ta’ refuġjati u eluf li jkollhom jitilqu minn djarhom. L-użu ta’ dawn l-armi “li jkeċċu l-masses” jistgħu jwasslu għat-tifrik ta’ bliet u rħula sħaħ, skejjel, sptarijiet filwaqt li jfarrku l-infrastruttura u s-servizzi essenzjali għall-popolazzjoni.

Mons. Jurkovic tkellem dwar l-uġiegħ kbir li jkollhom dawk li jsofru minn ħruq kaġunat minn armamenti inċendjarji li jħallu effett fiżiku u psikoloġiku fit-tul u kultant anke joqtlu.  Għalhekk appella biex jissaħħu r-regolamenti biex tonqos it-tbatija umana u tiżdied il-protezzjoni lin-nies ċivili u anke lil min ikun fil-ġlied.

Ir-Rappreżentant Permanenti tal-Vatikan esprima sodisfazzjoni għal qbil bejn diversi partijiet għal dawk li huma kunsiderazzjonijiet etiċi u legali fl-użu tal-armi robotiċi u sistemi ta’ armamenti awtomatiċi. Min-naħa l-oħra lmenta mill-kefrija u l-offiżi gravi fuq id-dinjità tal-persuna umana li qed jitwettqu f’isem it-talbiet militari u politiċi.