Sal-2020 it-trasport pubbliku kollu fil-Lussemburgu se jsir b’xejn u b’hekk il-Lussemburgu se jsir l-ewwel pajjiż fid-dinja li jieħu inizjattiva ta’ dan it-tip.

Skont Daily Mail, il-ferrovijji, it-tramm u l-karozzi tal-linja se jiġu b’xejn bħala attentat sabiex il-pajjiż ikompli jqajjem kuxjenza dwar l-ambjent. Il-policies li se jiġu introdotti jinkludu wkoll investiment ikbar fis-servizzi pubbliċi, l-introduzzjoni ta’ żewġ festi pubbliċi oħrajn u l-legalizzar għall-użu rikreattiv tal-kannabis.

Il-belt kapitali tal-pajjiż, issofri minn konġestjoni qawwija ta’ karozzi hekk kif fiha jgħix mal-110,000 persuna. Madwar 400,000 persuna ta’ kuljum jivjaġġaw lejn din il-belt għax-xogħol, filwaqt li mal-200,000 jaqsmu l-fruntiera lejn Franza, il-Ġermanja u l-Belġju ta’ kuljum.

It-trasport pubbliku b’xejn huwa l-aħħar pass li ħa l-pajjiż sabiex jinkoraġġixxi ċ-ċittadini jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Il-pajjiż diġà kien qed joffri trasport pubbliku b’xejn għal żgħażagħ taħt l-20 sena, filwaqt li studenti ta’ skejjel sekondarji jagħmlu użu minn vannijiet b’xejn apposta li jwassluhom mill-iskola għad-dar.