Esklussiva filmat immigranti Aquarius
Arrival and berthing of MV Aquarius with 141 migrants on board

L-Immigranti ġeneralment ikunu iktar f’saħħithom mir-residenti ta’ pajjiżi sinjuri li jivvjaġġaw għalihom, bħall-Istati Uniti skont studju ġdid. L-istudju jispjega li dawn ħafna drabi jgħinu jikkumbattu l-mard fil-pajjiż li jmorru fih billi jibdew jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa.

Rapport ippubblikat mill-University College London u l-Lancet medical journal sab li argumenti populisti li jgħidu li l-immigranti huma ta’ theddida fuq is-saħħa tar-residenti ta’ pajjiżi sinjuri u li dawn l-istess persuni jikkawżaw ħafna problemi fis-sistemi tas-saħħa tal-pajjiż huma biss ħrejjef.

L-istudju li dam għaddej madwar sentejn sab li l-immigranti, in ġenerali, għandhom ċans ta’ ħajja itwal aktar mill-maġġoranza tar-residenti tal-pajjiżi li jmorru fihom. Huma għandhom inqas riskju li jmutu minn mard bħall-kanċer u tal-qalb. Madanakollu huma iktar faċli li jimirdu bl-epitate, l-HIV u t-tuberkolożi, li skont l-istudju ġeneralment ma jifirxuhx fil-popolazzjoni tal-pajjiż iżda fil-komunità tal-immigranti stess.

Ir-rapport li ħares lejn 96 studju differenti u 5,464 stimi ta’ mortalità ta’ aktar minn 15-il miljun immigrant, sab inkonsistenzi bejn gruppi differenti ta’ immigranti. Ir-rata tal-mewt instab li hija iktar baxxa fost immigranti li ġejjin mill-Asja u l-Amerika Latina meta kkumparata mal-popolazzjoni ta’ sitt pajjiżi Ewropej. Madanakollu immigranti li ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq u l-Punent tal-Ewropa instab li għandhom rata ta’ mewt aktar għolja.

Ir-riżultati tal-istudju kienu primarjament ibbażati fuq studji dwar is-saħħa tal-immigranti li saru f’pajjiżi sinjuri, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni minn pajjiżi li għandhom dħul baxx jew medju. Minħabba f’hekk, ir-riżultati tal-istudju jaf ma jirriflettux is-saħħa tal-immigranti li jfittxu ażil f’pajjiżi foqra.