Kattoliċi jieħdu sehem fil-purċissjoni ta' Kristu Re, f'Orissa, l-Indja

Insara Indjani minn Kandhamal fid-distrett ta’ Orissa, taw xhieda qawwija tal-fidi tagħhom meta fil-festa ta’ Kristu Re ħadu sehem bi ħġarhom f’quddiesa tal-okkażżjoni u f’ċelebrazzjoni li fakkret is-60 sena mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Madonna tal-Karità.

Għal dawn l-aħħar għaxar snin Kandhamal ra diversi massakri mwettqu minn estremisti Hindu f’dik li tista’ titqies bħala kampanja ta’ tindif etniku li fiha nqatlu aktar minn 100 persuna filwaqt li aktar minn 56,000 persuna tkeċċew minn djarhom.

Fil-festa ta’ Kristu Re, l-insara ta’ Orissa ħarġu bi ħġarhom biex jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni reliġjuża li tmexxiet minn Mons. John Barwa, Arċisqof tad-djoċesi ta’ Cuttack-Bhubaneswar li mexxa ‘l quddiesa solenni.

Fl-omelija li għamel, l-Arċisqof qal li l-mixja ta’ fidi ta’ dawn l-aħħar 60 sena hi kisba kbira għal dawk li salvaw mill-massakri ta’ Kandhamal li ilhom suġġetti għal vjolenza anti-kristjana sa mill-2008.

“Kristu Re u l-Prinċep tal-Paċi, mexa mal-poplu innoċenti ta’ dan id-distrett tul dawn is-60 sena.  Illum kulħadd jirrikonoxxi u jgħozz il-fidi kbira tal-poplu ta’ Kandhamal li huma sors ta’ ispirazzjoni u xhieda ta’ Ġesù Kristu fl-Indja”, qal l-Arċisqof.

Fr Cassian Pariccha, saċerdot anzjan ta’ 82 sena li kien kappillan tal-parroċċa tal-Madona tal-Karità qal li “il-fidi qed tixtered, in-numru ta’ nsara qed jiżdied, il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża qed jiffjorixxu, f’din il-parroċċa”.

“Il-poplu ta’ Kandhamal jirringrazzja ‘l Alla, speċjalment għall-missjunarji, l-isqfijiet, is-saċerdoti li servew lil din il-komunità. B’mod partikolari nirringrazzjaw lill-100 persuna li fl-2008 taw ħajjithom għall-fidi f’Ġesù Kristu”, qal lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi FIDES, Fr. Pradosch Chandra Nayak, il-Kappillan attwali ta’ din il-belt u Vigarju Ġenerali tal-Arċijoċesi.

Illum f’din il-parroċċa hemm jgħixu 1,200 familja Kattolika. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-parroċċa kienu jinkludu Adorazzjoni Ewkaristika u purċissjoni Aux Flambeux biex jitwassal id-dawl ta’ Kristu fost in-nies tal-lokal.  Fil-purċissjoni ħadu sehem ukoll diversi nies Hindu.