Ir-ritratt li qed jidher hu wieħed mis-60 ritratt artistiku meħud mill-ktieb li għadu kemm ġie ppubblikat Parallel Existences. The Notarial Archives: A Photographer’s Inspiration Alex Attard. Dan hu ktieb ġdid fejn il-fotografija, l-arti u l-istorja jintegraw flimkien u tinħoloq arti ġdida.

Il-ktieb jiġbor fih ritratti ta’ dokumenti bħal kuntratti u manuskritti li tul is-snin ġarrbu ħsarat kbar kemm b’mod naturali, minħabba l-gwerra jew inkella minħabba negliġenza. Illum kważi kważi dawn id-dokumenti inbidlu f’xogħlijiet ta’ skultura kif jidher minn dan ir-ritratt. Kull persuna tista’ tagħti l-interpretazzjoni tagħha, ta’ x’tara wara d-dokumenti mġarrfa.

Ir-ritratti ttieħdu mill-Arkivju Notarli li jinsab il-Belt Valletta. Dan il-ktieb ried iwassal il-messaġġ li arkivju huwa ħafna aktar minn spazju fejn wieħed jerfa’ d-dokumenti.

Alex Attard jipprovdi mod ġdid kif wieħed għandu jħares lejn l-arkivji u juri li dan mhux biss post għar-riċerkaturi iżda jista’ jkun ukoll il-lok ideali għall-ispirazzjoni artistika. Ir-ritratti li jidhru fl-ewwel parti ta’ dan il-ktieb huma rifless ta’ kif tista’ tinħoloq xi ħaġa ġdida minn dik li xi darba kellha użu kompletament differenti. Ħames esejs miktubin minn artisti u kritiċi tal-arti, jipprovdu interpretazzjonijiet varji u kreattivi tal-istess ritratti.

Il-kapitli fit-tieni parti – miktuba minn disa’ esperti, jitkellmu dwar sejbiet u riċerka li saret fosthom dwar il-mużika, il-fotografija, it-teatru, il-vokabolarju soċjali, propjetajiet u binjiet. Billi jiffokaw mis-seklu 11 sas-seklu 20, dawn il-kitbiet juruna fejn ninsabu llum jekk inkunu konxji ta’ minn fejn ġejjin. Għaldaqstant l-intriċċi tal-passat huma x-xhieda tal-istat preżenti tagħna.

Il-ktieb hu ppubblikat minn Kite Group b’fotografija ta’ Alex Attard. L-edituri huma Joan Abela u Emanuel Buttigieg. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba, mill-Arkivju Notarili l-Belt jew www.kitegroup.com.mt.