Omm irrakkuntat kif wara li ġiet stuprata saret taf li nqabdet tqila. Irrakkuntat kif meta rat il-qalb tat-tarbija tħabbat waqt l-ultrasound iddeċidiet li din it-tarbija kellha tgħix.

Jennifer Christie kienet qed tirrakkonta l-esperjenza tagħha waqt intervista’ ma’ Fr Joe Borg li se tkun qed tixxandar fuq il-programm Follow Up nhar it-Tnejn 10 ta’ Diċembru. Christie irrakkuntat kif fl-2014, wara ġurnata taħdem bħala interpretu f’North Carolina, saqet lejn il-lukanda meta raġel segwiha sal-kamra u stupraha.

L-istupru vjolenti ħalla lil Christie bi ġrieħi orribbli, inkluż ħsara permanenti internament u saħansitra kienet spiċċat bid-demm ħiereġ minn moħħha li ħallietha ssofri minn epilessija. Sal-lum il-mara għaddiet minn sitt operazzjonijiet.

Waqt l-intervista esklussiva ma’ Fr Joe Borg, Christie spjegat kif sal-lum għadu jkollha mumenti fejn tiftakar f’dak li ġara u saħansitra jkollha ħolm ikrah bil-lejl. Qalet li ħafret lir-raġel li attakkaha u ma ħallietx li dan l-episodju jibdilha f’persuna mimlija rabja.

Christie saret taf li hi tqila sitt ġimgħat wara li ġiet stuprata. Irrakkuntat kif waqt li kienet għall-ultrasound indunat kif minn xi ħaġa daqshekk orribbli ħarġet xi ħaġa daqshekk sabiħa.

Flimkien mar-raġel tagħha Jeff, Christie se tkun waħda mill-kelliema waqt il-marċ annwali favur il-ħajja organizzat mill-Life Network Foundation Malta nhar il-Ħadd li ġej fit-3.30pm fi Pjazza Kastilja.