FILE PHOTO: Refugees disembark the Aquarius rescue ship in the port in Valencia, Spain, June 17, 2018. REUTERS/Heino Kalis/File Photo

Il-bastiment li jsalva l-ħajjiet tal-immigranti fuq il-baħar se jkun qed itemm il-ħidma tiegħu għal kollox. Dan tħabbar permezz ta’ tweet minn Doctors Without Borders (MSF) li qalu li huma u SOS MEDITERRANEE ġew sfurzati jtemmu din il-ħidma.

Fi stqarrija ppubblikata fuq il-websajt tagħhom, MSF spjegaw li fl-aħħar xahrejn, l-Aquarius kellu jibqa’ fil-port u nżamm lura milli jwettaq il-ħidma umanitarja tiegħu, minkejja li bosta għadhom qed jippruvaw jivjaġġaw fuq il-baħar illegalment. Sostnew li dan huwa r-riżultat ta’ kampanja mmexxija mill-Gvern Taljan u ssapportjata mill-Istati Ewropej l-oħrajn sabiex ikissru l-organizzazzjoni li tassissti persuni vulnerabbli.

Id-Direttur Ġenerali ta’ MSF, Nelke Manders qal li dan huwa jum sewdieni. Sostna li mhux talli l-Ewropa falliet milli tipprovdi ħidma ta’ tfittix u salvataġġ, iżda kissret lil ħaddieħor li qed jagħmel dan ix-xogħol u jsalva l-ħajjiet. “It-tmiem tal-Aquarius ifisser aktar imwiet fl-ibħra, aktar imwiet se nibqgħu ma nsirux nafu bihom,” kompla jgħid.

Fl-aħħar żmien, Malta laqgħet bosta immigranti li daħlu fil-portijiet Maltin wara ħidma tal-bastiment Aquarius. 141 immigrant kienu waslu Malta f’Settembru li għadda u fi żmien ftit xhur ġew rilokati għal Franza, l-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja. L-aħħar grupp ta’ immigranti telqu għall-Ġermanja l-Erbgħa.