DOI: Jeremy Wonnacott

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li mhux beħsiebu jitlaq mill-politika, imma għandu f’moħħu li jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, anke jekk il-Prim Ministru ma jikkontestahiex.

Il-Membru Parlamentari Laburista Mizzi qal lil Saviour Balzan fil-programm televiżiv Xtra li hu beħsiebu jerġa’ jikkontesta elezzjoni oħra, għax iħoss li l-pjan tal-Gvern li jimmodernizza lil Malta għadu mhuwiex lest.

Dwar il-fatt li l-Prim Ministru qal iżjed minn darba li se jitlaq mill-politika qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Mizzi qal li jrid lil Joseph Muscat biex jibqa’ fil-politika u jrid jaħdem biex jikkonvinċih biex jibqa’.

Il-Ministru Mizzi ġie elett l-ewwel darba li kkontesta fl-2013, u nħatar Ministru tal-Enerġija fl-istess sena. Minkejja l-iskandlu tal-Panama Papers li kien involut fih, huwa reġa’ ġie elett fl-elezzjoni tal-2017 u nħatar Ministru tat-Turiżmu.