Facebook

24 persuna li kienu qed jgħixu fiċ-ċentru ta’ akkoljenza f’Isola Capo Rizzuto, fl-Italja ġew evkwati hekk kif daħlet fis-seħħ liġi ġdida. Id-digriet ta’ Salvini msemmi wara l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini f’isem il-partit tal-lemin estrem, Lega Nord, għadda mill-Parlament il-ġimgħa l-oħra filwaqt li ġie ffirmat mill-President Taljan Sergio Mattarella t-Tnejn li għadda.

Il-liġi l-ġdida tabolixxi l-protezzjoni umanitarja għal dawk li mhumiex eleġibbli għall-istat ta’ refuġjat iżda ma jistgħux jintbgħatu lura lejn darhom.

Fost dawk li ġew evkwati hemm vittmi tat-traffikar għal skopijiet ta’ sess u tifel bi problemi ta’ saħħa mentali. Kien hemm ukoll koppja żagħżugħa b’tarbija ta’ ħames xhur.

L-evkwazzjonijiet mhux biss se jkunu qed jaffettwaw dawk il-persuni li għadt qed jistennew risposta għat-talba tagħhom iżda wkoll lil dawk li għandhom l-permessi meħtieġa biex jibqgħu.

Il-maġġoranza tal-immigranti li waslu fl-Italja dawn l-aħħar ingħataw protezzjoni umanitarja. Huwa stmat li madwar 100,000 persuna għandhom permess validu għal sentejn li jħallihom ukoll jaħdmu.

Blessing, vittma tat-traffikar, qalet ma’ The Guardian li ma setgħetx temmen meta l-Pulizija infurmawhom li ma jistgħux jibqgħu hemm iktar. Spjegat kif dawn ħadulhom l-affarijiet u eskortawhom il-barra. Hi saħqet li kellha l-permessi legali biex tibqa’ filwaqt li esprimiet l-biżgħa li dalwaqt tispiċċa bla saqaf fuq rasha

Fl-Italja la darba wieħed jirċievi l-protezzjoni umanitarja, il-persuni suppost jħallu dawn iċ-ċentri biex imorru f’akkomodazzjoni apposta fejn umbgħad jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi ta’ integrazzjoni. Iżda minħabba l-burokrazija u l-ispazju limitat jispiċċaw ma jitilqgħux miċ-ċentri.

Fil-jiem li ġejjin mistennija jiġu evakwati mijiet ta’ immigranti mit-tieni l-ikbar ċentru fl-Ewropa li jinsab f’Cara di Mineo.

Skont l-istimi sal-2020 mistennija li 130,000 persuna se jispiċċaw “illegali”. Ibliet bħal Bologna, Turin u Ruma qed jirrifjutaw li jimplimentaw dawn il-miżuri hekk kif dawn jaħsbu li se jkunu qed jżidu l-problema ta’ nies bla saqaf u se tkun qed toħloq tensjoni soċjali bla bżonn.