Raġel ta’ dixxendenza Maltija intbagħat tmien snin il-ħabs fis-Seychelles wara li nstab ħati ta’ koruzzjoni.

L-Aġenzija tal-aħbarijiet tas-Seychells irrappurtat kif il-Qorti Suprema tat is-sentenza ta’ ħabs kif ukoll multa ta’ madwar €4,400 lil Abison DeGiorgio li kien jaħdem bħala Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fil-Kummissjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni. DeGiorgio ilu arrestat minn Frar li għadda. Hu nstab ħati ta’ tliet każi ta’ tixħim, fosthom estorsjoni, li kixef informazzjoni sensittiva u korruzzjoni solleċita ta’ ħlas sabiex tiġi posposta l-investigazzjoni fl-eks-Ministru Dolor Ernesta. Il-każ jista’ jiġi appellat fi żmien 42 ġurnata.

L-investigatur fil-każ, Bill Zialor qal lill-midja li kien emozzjonat wara d-deċiżjoni u spjega li ma kienx każ faċli. Sostna li saret ġustizzja mhux biss mal-Pulizija iżda wkoll mal-pubbliku. Semma wkoll li din hija l-ewwel darba fl-istorja tas-Seychelles li xi ħadd intbagħat il-ħabs minħabba korruzzjoni.

Id-Direttur tal-Kummissjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni, May de Silva qalet li ma kien hemm l-ebda rebbieħ f’dan il-każ. Sostniet li hija ta’ sfortuna li l-każ temm b’dan il-mod iżda insisitiet li ħadd ma għandu jħossu li huwa ‘l fuq mil-liġi.

Il-Kummissjoni kienet ġiet stabbilita taħt il-liġi ta’ kontra l-korruzzjoni tal-2016 u hija responsabbli mill-ilmenti, investigazzjonijiet, l-iskoperti ta’ frodi u li tipprekludi prattiċi korrotti kemm fis-setturi pubbliċi u anke privati.