Wara tliet xhur ta’ restawr, il-Monument tal-Assedju l-Kbir jista’ jitgawda mill-ġdid mill-pubbliku hekk kif il-ħidma tlestiet u nkixef propju dalgħodu.

Il-ħidmiet ta’ restawr li kienu ġew mingħajr l-ebda notifika bdew f’Settembru li għadda. Bosta kienu xettiċi dwar iż-żmien meta dan il-monument beda jiġi rrestawrat hekk kif dan beda propju xahar qabel l-anniversarju mill-mewt tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Newsbook.com.mt kien għamel bosta talbiet għan-notifika li l-monument kien se jiġi rrestawrat madanakollu t-talbiet waqgħu fuq widnejn torox.

Il-monument kien ilu jintuża mill-attivisti bħala mafkar għall-ġurnalista assassinata propju mit-18 ta’ Ottubru tal-2017, jumejn wara l-assassinju. Għal xhur twal baqgħu jitfaċċaw ritratti, xemgħat u fjuri bħala sinjal ta’ protesta għal dan il-qtil. Ir-raġuni għaliex intagħżel dan il-monument kien propju minħabba li jinsab faċċata tal-Qorti. Fil-Qorti kien ħareġ li l-Ministru għall-Ġustizzja kien dak li ordna li l-mafkar jiġi mnaddaf mill-affarijiet li kienu jpoġġu l-attivisti.

Anzjan l-isptar wara li kkonfronta l-attivisti

Intant, anzjan li kkonfronta attivisti quddiem il-monument spiċċa sabiex darab lilu nnifsu.

Newsbook.com.mt wasal fuq il-post ftit tal-minuti wara li ġara l-inċident. Sorsi spjegaw kif ir-raġel kien aggressiv mal-attivisti li marru jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat. Newsbook.com.mt għandu fil-pussess tiegħu il-filmat li juri lir-raġel jattakka lill-attivisti. L-avukat Andrew Borg Cardona instema’ jgħid lir-raġel sabiex ma jmissx lill-attivisti. Intant ir-raġel jidher jibżoq lill-istess attivisti u jipprova jieħu l-mowbajl minn idejhom.

Skont ġurnalist tat-Times of Malta li kien fuq il-post qabel ma seħħ l-inċident, l-anzjan ipprova jaħtaf wieħed mill-attivisti iżda bil-manuvra tiegħu waqa’ u ħabat rasu. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza li ssejħet mill-attivisti stess.

Il-Membru Parlamentari Laburista Silvio Parnis instema’ jgħid lill-pulizija li l-anzjan ġie imbuttat mill-attivisti. Din il-verżjoni tikkuntrasta ma’ dak li qalu l-attivisti qabel. Intant l-organizzazzjoni Repubblika qalet fuq Facebook li ġie sottomess rapport mal-Pulizija dwar l-inċident.

Filmat: Beppe Galea