Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius qal li hemm numru ta’ sajjieda li qed isibu diffikultà jirrapportaw il-ħut li jkunu qabdu għax ma jafux jiktbu u jaqraw.

Ma’ Newsbook.com.mt Agius qal li ltaqa’ ma’ sajjied li spiċċa ma jistax joħrog jistad għax ma jafx jikteb u jaqra. “Talabhom permess li jimla l-ktieb fuq l-art biex ikun hemm xi ħadd jgħinu” qal Agius imma żied jgħid li dan is-sajjied ma ngħatax permess jagħmel hekk.

Skont il-liġi Ewropea (EC 1224/2009), il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd b’tul ta’ aktar minn 10 metru għandhom iżommu ġurnal abbord li fih jiktbu l-kwantità ta’ kull speċi ta’ ħut li jaqbdu. Agius tkellem ukoll dwar każ ieħor ta’ sajjied li ilu aktar minn 30 sena fuq il-baħar u li jaf l-isem ta’ kull ħuta imma bil-Malti u mhux bl-Ingliż. Il-liġi tispeċifika tabella li telenka l-ismijiet tal-ħut differenti. Però, m’hemmx lista bil-Malti. Dan il-ġurnal għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet mhux aktar tard minn 48 siegħa wara l-iżbark. Kelliem għall-Ministeru għall-Ambjent qal ma’ Newsbook.com.mt li d-Dipartiment tas-Sajd jipprovdi taħriġ kontinwu fuq iż-żamma tal-ġurnal.

Għal dawk il-Maltin li jistadu għal-lampuki, Agius qal li ġieli jsibu sajjieda mit-Tuneżija jużaw il-kannizzati tagħhom bi ksur tal-liġijiet internazzjonali. Qal li tista’ ssir pressjoni mal-awtoritajiet Tuneżin biex jenfurzaw il-liġi aktar.