Il-logo li kien disinjat għaż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Emirati Għarab Magħquda

“Mulej għamilni Strument tal-Paċi Tiegħek”.  Dan il-vers mill-Kantiku ta’ San Franġisku kien magħżul bħala t-tema għall-vjaġġ li l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku se jagħmel fl-Emirati Għarab Magħquda bejn it-3 u l-5 ta’ Frar li ġej.

Stqarrija mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan filwaqt li kkonfermat din iż-żjara, tgħid li l-Papa Franġisku se jkun l-ewwel wieħed li jżur dan il-pajjiż tal-Golf.

Din iż-żjara se ssir fuq stedina tas-Sheikh Mohammed bin Zayed Al Nahyan, Prinċep ta’ Abu Dhabi u l-invit tal-Knisja Kattolika fl-Emirati. Waqt iż-żjara l-Papa se jieħu sehem fl-International Interfaith Meeting li se jiddiskuti l-“Fraternità Umana”.

Il-Prinċep Mohamed bin Zayed kien żar lill-Papa fil-Vatikan f’Settembru 2016 u l-uffiċċju tiegħu wara dik iż-żjara kien qal li l-Emirati Għarab “japprezzaw l-isforzi ta’ Papa Franġisku fil-ġlieda kontra l-vjolenza u l-estremiżmu u li l-Prinċep u l-Papa kienu ddiskutew kif itejjbu r-relazzjonijiet bilaterali bejniethom u tkellmu wkoll dwar suġġetti ta’ interess komuni”.

Greg Burke, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li l-intenzjoni tal-Papa wara dan il-vjaġġ hi proprju biex ikun strument ta’ paċi u għalhekk ingħażlet din it-tema għal din iż-żjara.

Tema ewlenija tal-vjagg se tkun kif il-popli ta’ rieda tajba jistgħu jaħdmu għall-paċi. “Din iż-żjara, bħal dik fl-Eġittu turi l-importanza fundamentali li l-Qdusija Tiegħu jagħti lid-djalogu inter-reliġjuż. Li l-Papa jżur id-dinja Għarbija hu eżempju perfett tal-“kultura tal-laqgħa” li Papa Franġisku tant jemmen fiha.

Għalkemm l-Emirati Għarab Magħquda u pajjiż fil-maġġoranza tiegħu Musulman, 10 fil-mija tal-popolazzjoni huma nsara, ħafna minnhom ħaddiema barranin li jaħdmu hemm, fosthom ħafna Filippini.

Il-logo taż-żjara juri ħamiema b’werqa taż-żebbuġ f’ħalqha li tissimbolizza l-paċi. Il-kuluri tal-ħamiema huma abjad b’burdura safra li huma l-kuluri tal-bandiera tal-Vatikan filwaqt li l-kuluri tal-bandiera tal-Emirati Għarab Magħquda jidhru fuq il-ġwienaħ tal-ħamiema. Il-logo jssimbolizza iż-żjara tal-Papa li jġib miegħu il-paċi, f’dan il-pajjiż.