REUTERS/Agency Miseria/Normando Sracles

14-il persuna inkluż sitt ostaġġi inqatlu kmieni l-Ġimgħa wara ġlieda b’armi tan-nar bejn il-Pulizija u ħallelin li ppruvaw jisplodu ATMs f’żewġ banek żgħar f’villaġġ żgħir fil-Grigal tal-Barżil.

Skont Reuters l-uffiċċju tal-Gvernatur qal li l-maġġoranza tal-imwiet seħħew meta l-Pulizija bdew jisparaw fuq il-ħallelin. Ħamsa mill-allegati membri tal-gang inqatlu kawża tal-isparaturi għall-ħabta tas-2am, żewġ persuni mietu fl-isptar filwaqt li tmienja oħrajn inqatlu wara li ġew segwiti mill-Pulizija.

Sitt persuni li nżammu ostaġġi mill-gang tilfu ħajjithom waqt l-isparaturi. Intant, tliet suspettati oħrajn ġew arrestati mill-Pulizija.

Skont midja lokali ħames persuni mill-ostaġġi li mietu kienu ġejjin mill-istess familja u kienu jinkludu żewġt itfal ta’ 14 u 13-il sena.