Mara li żammet it-tarbija tagħha wara li ġiet stuprata, qalet li l-istupru mhuwiex l-eċċezzjoni li jiftaħ il-bieb għall-abort. Jennifer Christie, li għażlet li trabbi tarbija b’riżultat ta’ stupru, bħala waħda mit-tfal tagħha, bħalissa tinsab Malta mar-raġel tagħha Jeffrey biex għada l-Ħadd tieħu sehem fil-Marċ għall-Ħajja fil-Belt Valletta.

Hija spjegat li din tagħha mhijiex xi storja unika u tiddeskrivi lil binha bħala “rigal sabiħ u ta’ fejqan”, u żgur mhux bħala tifkira ta’ xi trawma. Issejjaħlu bħala l-iben tagħha, u mhux ta’ dak li stupraha.

Jennifer Christie kompliet tgħid li iktar minn tliet kwarti tal-ommijiet li jgħaddu minn stupru, jiddeċiedu li jżommu lit-tarbija tagħhom. Sostniet li l-vjolenza u t-trawma qatt m’għandha tiġi kkurata b’aktar vjolenza u t-trawma, u li l-bnedmin qatt m’għandhom jiġu determinati mill-mod ta’ kif ġew konċepiti.

Flimkien mar-raġel tagħha, Jennifer qalet li għajjiet tisma’ lil ħaddieħor jitkellem f’isimhom għax ma tridx li nies oħra jużawhom bħala “eżempju biex jinqatlu miljuni ta’ tfal oħra”.

Ir-raġel tagħha Jefrey kien jaħdem fil-militar u jgħid li dak kollu li ġara ma kienx faċli għalih, iżda kellu jrażżan l-emozjonijiet tiegħu biex ikun il-blata u l-element ta’ kalma għal martu u għall-familja.

Jennifer taħdem ukoll bħala interpretu tal-lingwa tas-sinjali.

Il-koppja ħeġġet lil kull min jinsab fis-sitwazzjoni ta’ stupru biex jikseb l-għajnuna mill-Fondazzjoni Life Network Malta jew permezz tas-sit elettroniku www.LifeLineMalta.eu