Fl-aħħar ħin il-protesti f’Pariġi ħdejn ix-Champs Elysees ħadu żvolta vjolenti tant li l-Ambaxxata Amerikana fi Franza ħarġet avviż biex in-nies jevitaw l-akwati. Skont rapporti li daħlu fl-aħħar ħin jidher li l-konfrontazzjoni bejn il-protestanti u l-Pulizija eskalaw.

 

Is-Sibt Pariġi stenbaħ bħal belt abbandunata. Dan hekk kif il-mużewijiet, ħwienet u t-trasport pubbliku jinsabu kollha magħluqa, bil-Pulizija tal-irvellijiet kienu fit-toroq lesti għal iktar konfrontazzjonijiet mal-protestanti tal-ġakketta s-safra fil-Kapitali Franċiża għal jum ieħor ta’ protesti.

F’dak li suppost kellu jkun żmien ta’ paċi u ferħ hekk kif il-Milied jinsab magħna, għall-kuntrarju ta’ snin modija, it-toroq ta’ Pariġi jinsabu mifnija bi kważi 8,000 Pulizija minflok bit-turisti, filwaqt li r-residenti qed ikunu mħeġġa jibqgħu ġewwa wara li l-protesti f’Pariġi baqgħu għaddejjin għar-raba’ ġimgħa konsekuttiva.

Diversi toroq fiċ-ċentru ta’ Pariġi jinsabu magħluqa għat-traffiku, filwaqt li t-Torri Eiffel u mużewijiet ta’ fama mondjali, fosthom il-Louvre, jinsabu magħluqa wkoll. Mijiet ta’ ħwienet jinsabu magħluqa u mbarrati bil-għan li kemm jista jkun ikun evitat serq waqt il-protesti vjolenti.

Skont il-midja internazzjonali sa ftit qabel id-9am diġa kien hemm madwar 1,500 persuna jipprotestaw ħdejn ix-Champs Elysees, madanakollu sa dak il-ħin ma kienux daħlu rapporti ta’ vjolenza.