Il-Ministru Owen Bonnici qal li sal-aħħar ta’ Ottubru kien hemm 67 każ ċivili u 14-il każ kriminali pendenti fil-Qorti t’Għawdex li ilhom għaddejjin għal aktar minn 5 snin.

Dan qalu bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Il-Ministru qal li sar progress meta kkumparat ma’ Diċembru tal-2012 għax  dak iż-żmien kien hemm 150 każ.

Buttigieg staqsiet ukoll kemm hemm każijiet kriminali u ċivili pendenti f’Għawdex li ilhom aktar minn għaxar snin. Il-Ministru Owen Bonnici qal li każijiet ċivili jammontaw għal 125. Huwa qal li f’Diċembru tal-2012 kien hemm 177 każ u għalhekk sar progress mill-aħħar leġiżlatura tal-Partit Nazzjonalista. Semma li hemm erba’ każi kriminali li ilhom aktar minn għaxar snin.

Claudette Buttigieg staqsiet ukoll kemm hemm każijiet pendenti fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex li ilhom aktar minn 15-il xahar. Il-Ministru qal li sa Ottubru 2018 kawżi ċivili pendenti li ilhom aktar minn 15-il xahar jammontaw għal-6907 każijiet. Huwa qal li meta dan ikkumparat ma’ Diċembru 2012 dak iż-żmien kien hemm 7157 każ. Semma li kawżi kriminali pendenti fil-Qorti ta’ Malta hawn 1563 każ u 56 każ fil-Qorti ta’ Għawdex.