Il-President tal-għaqda non-governattiva bBrave l-Inġinier Norman Zammit, spjega kif hawn bosta tfal taħt l-età li għandhom profil fuq Facebook meta dan mhux neċessarju. Insista li l-ġenituri għandhom ikunu responsabbli ta’ wliedhom.

Dan qalu f’intervista ma’ Newsbook.com.mt waqt l-ewwel avveniment tal-għaqda non-governattiva bBrave li ġiet stabbilita fl-2017 sabiex tqajjem kuxjenza dwar l-ibbuljar fil-pajjiż. Zammit spjega kif waħda mill-ikbar problemi wara l-ibbuljar onlajn hija l-midja soċjali. Sostna li bħala għaqda qed jaħdmu sabiex iqajmu aktar kuxjenza fost il-ġenituri speċjalment jekk dawn qed iħallu lill-uliedhom taħt l-età jikkreaw profil fuq Facebook. Spjega li t-tfal huma kkunsidrati bħala persuni vulnerabbli u jaf jiltaqgħu ma’ persuni li jieħdu vantaġġ minnhom minħabba f’hekk.

Il-ħidma ta’ bBrave ma tieqafx biss mal-ibbuljar fuq it-tfal. Zammit spjega li bħalissa l-għaqda qed taħdem sabiex takwista fondi għal studju dwar l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol. Spjega li f’każijiet bħal dawn, il-persuni jiġu abbandunati minn sħabhom tax-xogħol. L-għaqda tixtieq taħdem fuq dan il-proġett sabiex tara eżatt kemm hi kbira din il-problema u mbagħad jinħarġu dokumenti apposta li jgħinu lill-HR Managers jaffaċċjaw dawn il-problemi.

“Naffaċċjaw lill-bully b’empatija” – Micallef Grimaud

Intant, Mariana Micallef Grimaud mis-Servizz ta’ kontra l-Ibbuljar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni rrakkuntat kif meta jiġu biex jikkonfrontaw xi ħadd li jkun bully jagħmlu dan b’empatija. Qalet li b’dan il-mod, it-tfal jibdew jirrealizzaw waħedhom il-ħsara li jkunu għamlu. Spjegat ukoll li jaħdmu b’ġustizzja restorattiva jiġifieri li jekk wieħed jagħmel xi ħaġa ħażina jrid jara kif jagħmel biex din jibdilha f’xi ħaġa tajba.