Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku Martin Cauchi Inglott ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari kollha biex jivvutaw favur il-proposti biex tiġi stabbilita Kummissjoni Verità u Ġustizzja sabiex tmexxi tliet inkjesti separati dwar il-qtil ta’ Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li l-PD qed jipproponi li l-qraba tal-vittmi jiffurmaw bord li jkun parti mill-Kummissjoni.

L-appell li għamel Cauchi Inglott fuq filmat fuq Facebook sar wara li l-Membri Parlamentari tal-Partit Demokratiku poġġew fuq il-Mejda tal-Kamra numru ta’ emendi lill-Att dwar l-Inkjesti biex tinħatar Kummissjoni għall-Verità u Ġustizzja mmexxija mill-Kummissarju tad-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa.

Huma qed jissuġġerixxu li l-Kummissjoni taħdem flimkien ma’ numru ta’ mħallfin anzjani ta’ Malta biex jinħatru tliet inkjesti pubbliċi biex jeżaminaw iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta’ Karin Grech fl-1977, Raymond Caruana fl-1986, u Daphne Caruana Galizia fl-2017.

Il-kandidat għall-elezzjoniji tal-Parlament Ewropew Cauchi Inglott spjega li l-Partit Demokratiku jappoġġja xogħol il-pulizija, u li l-inkjesti mhumiex maħsuba biex jieħdu post l-investigazzjonijiet kriminali li huma għaddejjin.

Fost dawn il-proposti, hemm li jitwaqqaf bord f’din il-Kummissjoni li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-familji tal-vittmi sabiex dawn isegwu l-proċeduri tal-inkjesti b’mod attiv u biex jingħataw kopja finali ta’ kull rapport ippreparat mill-Kummissjoni sabiex jaqrawh u jikkummentaw dwaru qabel ma jiġi ppubblikat.