Għal darb’oħra l-ambulanza tal-ajru li titrasferixxi pazjenti bejn Malta u Għawdex “ma kinitx disponibbli”. Kelliem għal Steward Healthcare kkonferma li dan ġara l-Ħadd li għadda filgħaxija minħabba li l-ħelikopter kien għall-manutenzjoni.

Madanakollu l-kelliem żied jgħid lil Newsbook.com.mt li l-pazjent li ddaħħal l-isptar ma kienx hemm bżonn li jiġi trasferit lejn l-Isptar Mater Dei b’urġenza bil-ħelikopter.

Mill-banda l-oħra sorsi infurmati taw verżjoni differenti lil Newsbook.com.mtHuma qalu li l-pazjent jista’ jgħoddha ba’waħda hekk kif twassal Mater Dei eżatt fil-ħin għal intervent urġenti ta’ pacemaker u li kieku kien hemm dewmien seta’ kien hemm konsegwenzi gravi.

Dan hu eku tal-inċident fatali li seħħ f’Awwissu li għadda, meta l-ambulanza tal-ajru ħadet lill-pazjent Mater Dei wara sitt sigħat u nofs li ġie ordnat mit-tabib, u miet ftit sigħat wara. Newsbook.com.mt ra dokumenti mediċi tal-pazjent li jikkonfermaw dan.

AQRA x’ġara pass pass meta t-tabib ordna trasferiment bil-ħelikopter

X’wieġbu ta’ Steward Healthcare dwar il-każ tal-Ħadd li għadda?

Kelliem għal Steward Healthcare qal ma’ Newsbook.com.mt li dak il-ħin l-ambulanza tal-ajru ma kinitx disponibbli minħabba manutenzjoni. Żied jgħid li l-individwu ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd, imma fi kliemu l-kundizzjoni tiegħu kienet tali li ma kienx hemm bżonn li jiġi trasferit immedjatament lejn Mater Dei.  Irrimarka li l-pazjent irċieva l-aqwa kura u li l-assessjar professjonali tal-kundizzjoni tal-pazjent sar skont il-protokoll mediku. Il-kelliem qal ukoll li l-pazjent ġie trasferit lejn Mater Dei t-Tnejn.

€1m fis-sena għal Steward biex tipprovdi s-servizz bl-ajru

Il-kumpanija Steward Group tirċievi ‘l fuq minn €1 miljun fis-sena biex tipprovdi servizz tal-emerġenza bl-ajru. Skont sorsi, il-kumpanija kienet marbuta bil-kuntratt li l-Gvern għamel mal-Vitals Health Care biex tbiddel il-ħelikopter.

Transfers “għax talbu s-servizz tal-ħelikopter”

Intant, żewġ persuni li kien jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex  qalgħu transfer wara l-investigazzjonijiet li saru fuq l-inċident ta’ Awwissu.

Sorsi infurmati tajjeb qalu li l-konsulent mediku li talab għall-ħelikopter għat-tieni darba u kiteb li ma kienx disponibbli, ma kellux il-kuntratt tiegħu mġedded, filwaqt li l-iskrivan ġie trasferit għad-Dipartiment tat-Taxxa. Barra minn hekk, l-uffiċjal għoli fl-amministrazzjoni tal-isptar spiċċat imwarrba wkoll wara li tat kopja tal-file lill-qraba tal-vittma, minkejja li t-talba tal-qraba ġiet approvata fuq parir legali mingħand l-avukati ta’ Steward.

Inkjesta ħelikopter: Ippubblikat paragrafu wieħed; x’fihom id-dokumenti?

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien minn tal-ewwel li tkellem dwar il-każ ta’ Awwissu, u sussegwentament waqt seduta Parlamentari semma kif għal dan is-servizz il-Gvern qed iħallas €1.2 miljun fis-sena. Stqarr li Gvern Nazzjonalista kien iħallas biss €800 għal kull vjaġġ u li skont informazzjoni li ngħata fil-Parlament, għall-vjaġġi li għamel il-ħelikopter taħt Gvern Nazzjonalista, “dan il-Gvern iħallas ftit iktar minn €30,000”.

“L-ebda ħaddiem tal-emerġenza ma ntalab jixhed”

“Staqsi lill-Onorevoli Refalo kellux il-ħelikopter” – Chris Said