19-il martri Alġerin ġew ibbeatifikati f’ċerimonja lbieraħ, u fosthom kien hemm Soru Jeanne Littlejohn ta’ dixxendenza Maltija.

F’ittra li bagħat fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni, il-Papa Franġisku qal li l-martirju u l-persekuzzjonijiet mhumiex affarijiet tal-passat u llum għadna nsofru minnhom, kemm jekk bit-tixrid tad-demm kif hu l-każ ta’ ħafna martri kontemporanji jew inkella b’mezzi sottili oħra bħalma huma l-gideb u l-malafama.

Iċ-ċerimonja saret propju fil-festa ta’ Marija Immakulata, fis-Santwarju ta’ Notre Dame de Santa Cruz li jinsab fil-belt ta’ Oran fl-Alġerija. Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-Kardinal Angelo Becciu, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin li l-Papa ddelegah biex imexxi f’ismu din il-funzjoni.

Is-Soru Jeanne Littlejohn twieldet fit-22 ta’ Novembru tal-1933 ġewwa Tunis, fit-Tuneżija. Is-soru kienet Franċiża, iżda ommha kienet Maltija. Hi saret membru tas-Sorijiet Missjunarji tal-Madonna tal-Appostli u għamlet l-ewwel wegħdiet tagħha fit-8 ta’ Settembru tal-1959. Hi mbagħad kienet ħadet l-isem ta’ Sister Angèle-Marie. Hi kienet inqatlet minn forzi Iżlamiċi.

L-Isqof Dumnikan, Pierre Claverie ta’ Oran u 18-il patri u soru oħra minn Franza, Spanja, it-Tuneżija u l-Belġju, li issa kienu dikjarati beati, kienu nqatlu bejn l-1991 u l-2002, f’diversi ċirkostanzi, fil-ġlied bejn Iżlamiċi u l-militar fl-Alġerija.  Fosthom kien hemm 7 patrijiet Trappisti li nqatlu flimkien fl-1996. 6 mid-19-il beatu ġdid kienu sorijiet.

Fl-ittra li nqrat waqt iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni, il-Papa Franġisku qal li kultant il-persekuzzjoni tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ diskors li jipprova jagħmel karikatura mill-fidi biex juri lill-Insara f’dawl redikolu. Papa Franġisku fakkar li Ġesù, l-Iben t’Alla li ma kellu ebda ħtija, kien persegwitat u spiċċa msallab fuq salib, imma lid-dixxipli tiegħu kien qalilhom: “Il-qaddej mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lilu, se jippersegwitaw lilkom.”

Il-Papa qal li l-Knisja dejjem kellha devozzjoni speċjali lejn il-martri li taw xhieda tal-fidi u l-imħabba tagħhom għal Kristu, anke billi xerrdu demmhom għax emmnu fi kliem il-Mulej: “Jien għandi l-poter kemm fis-sema kif ukoll fl-art… Jien magħkom sal-aħħar tad-dinja.”

Fi tmiem l-ittra tiegħu l-Papa qal li dawn il-martri ħafru lil min qatilhom u b’hekk urew li jħobbu aktar il-ħajja eterna “u issa għandhom dak li ħabbew u jgawdu aktar bil-qawmien tal-mejtin.”