Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissajru għall-ħarsien tas-Saltna tad-Dritt Frans Timmermans nieda l-kampanja tiegħu biex jsir President tal-Kummissjoni b’diskors passjonali fil-kungress tal-Partit Soċjalista f’Lisbona.

Fuq sala ppakkjata fil-Cidade Universitaria’ u għajnejn il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, dak Portugiż Antonio Costa u dak Spanjol Pedro Sanchez, Timmermans qal li rebħa għas-Soċjal-Demokratiċi fl-elezzjonijiet ewropej biss tissgura soċjeta’ iktar ħielsa, ġusta u sostenibbli għal poplu Ewropew.

Huwa stqarr li dawn mhumiex elezzjonijiet ordinarji iżda elezzjonijiet dwar ir-ruħ tal-ewropa.

Huwa qal li filwaqt li l-popli jridu jaddottaw ruħhom għal dinja li qed tinbidel, is-soċjalisti hija l-forza politika li għandha l-kapacita’ li tgħin in-nies jagħmlu din il-bidla.

Saħaq li s-soċjal-demokratiċi għandhom jagħmlu kuntratt soċjali maċ-ċittadini Ewropej.

Il-Kungress tal-PES f’ Lisbona ra lill-progressivi jippreparaw ruħhom għal elezzjonijiet ta’Mejju.

F’dan il-kungress li jipparteċipaw fih elf ruħ minn 56 pajjiż differenti, għaddew tmien riżoluzzjonijiet fosthom programm ambizzjuż biex tinħoloq pjattaforma li tinvesti fil-kommunitajiet.