Il-familja tat-tifel mill-Afganistan, li kien kiseb fama fuq l-internet sentejn ilu meta ttiħidlu ritratt liebes flokk qisu dak tal-plejer tal-futbol Lionel Messi imma magħmul minn borża tal-plastik, kellha taħrab minn darha wara attakk mit-Talibani.

Murtaza Ahmadi ta’ 7 snin qal li jrid isir plejer tal-futbol bħal Messi u jrid li jkun jista’ jmur l-iskola, għax minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà, jibża’ joħroġ barra.

Murtaza kien deher fuq il-midja sentejn ilu meta ħuh kien għamillu flokk b’borża tal-plastik bajda u blu b’isem Messi u n-numru 10 fuqu, in-numru ta’ Messi. Il-fama tiegħu wasslitu biex jiltaqa’ mal-eroj tiegħu, imma qalgħet ukoll xi inkwiet għal familtu, li huma parti mill-minorità etnika Hazara fil-provinċja ta’ Ghazni.

Ommu Shafiga Ahmadi qalet li peress li binha sar famuż, huma ma jistgħux jitħallew bi kwiethom, u hu u ħutu lanqas setgħu jmorru skola. Spjegat kif darba billejl kien hemm xi rġiel suspettużi jippassiġġaw fejn id-dar tagħhom, u mbagħad, meta t-Talibani attakkaw ir-raħal tagħhom, huma qatgħuha li jitilqu.

Din is-sena kien hemm ħafna ġlied f’Ghazni, li hi madwar sagħtejn bogħod minn Kabul, il-belt kapitali tal-Afganistan. It-Talibani rebħu Ghazni għal ftit, u dan wassal biex eluf ħallew djarhom.