Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ b’rabta mal-kumpanija Egrant, skont il-Kummissarju għall-Pulizija Lawrence Cutajar.

Dan ħareġ fil-Qorti it-Tnejn, hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant.

Il-Kummissarju Cutajar qal li l-Pulizija ngħatat kopja tar-rapport sħiħ, kif jiġri f’kull każ.

Fil-Qorti d-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Matthew Carbone qal li qatt ma ra r-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant. Carbone qal li tkellem dwar il-konklużjonijiet tar-rapport maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Qal li ma tkellimx mal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jew l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Spjega wkoll li tkellem dwar il-konklużjonijiet tar-rapport  ma’ “esponenti tal-Partit Laburista” bl-istess mod li fi kliemu tkellmet Malta kollha dwarhom. Dwar ir-ritratt li ttieħed tal-kopja tal-inkjesta, Carbone qal li ma kienx hu li ħadu r-ritratt.

F’kummenti barra l-Qorti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li mis-smigħ tal-Qorti ħareġ li hemm mill-inqas 11-il persuna oħra li għandhom kopja tar-rapport sħiħ. Delia qal ukoll li jidher li Carbone ma qarax ir-rapport kollu qabel ma fassal il-messaġġ politiku li kellu jwassal il-Gvern. Delia qal li fil-Qorti, Carbone l-ewwel beda jgħid ħaġa, imbagħad jgħid ħaġa oħra. Skont Delia, dan juri li r-rapport qed jintuża b’mod politiku.

Ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali, u mhux ir-rapport sħiħ, (AGĦFAS HAWN) tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.

Il-Qorti kienet laqgħet it-talba ta’ Delia biex ir-rikors kostituzzjonali li ressaq biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali li saret dwar il-kumpanija Egrant jinstema b’urġenza.

Fost ix-xhieda li nstemgħu s’issa, kien hemm ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Filmat: Monique Agius