Il-kelba bl-isem ta’ Quincy għadha kemm gradwat bħala kelba ta’ servizz waqt ċerimonja li mmarkat it-tmiem ta’ programm intensiv ta’ taħriġ ta’ 18-il xahar sabiex tispeċjalizza fl-awtiżmu. Quincy issa ġiet abbinata ma’ Ben, tifel ta’ 10 snin li għandu l-awtiżmu.

Skont stqarrija, il-kelba u Ben marru tajjeb flimkien mill-ewwel ġurnata li ltaqgħu. Minn issa ‘l quddiem, Quincy se takkumpanja lil Ben f’kull ħin biex tgħinu jaffaċja l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum.

Missier Ben spejga kif “meta Quincy tħoss li Ben ma jkunx qed iħossu tajjeb, hi tmur fuqu tikkalmah.” Insista li kemm ilha li daħlet f’ħajjithom, Quincy il-ħajja saret aktar faċli għall-familja kollha.

Il-Fondazzjoni Service Dogs Malta twaqqfet fl-2013 u minn dak iż-żmien ‘l hawn ħarrġet u kkwalifikat b’suċċess sitt iklieb ta’ servizz speċjalizzati għall-għajnuna għat-tfal bl-awtiżmu u twissija dijabetika. Malli l-kelb ikun ikkwalifikat, jingħata b’xejn lill-familja li jkun ġie abbinat magħha. Skont il-Viċi-President tal-Fondazzjoni, Joseph Stafrace, l-għan aħħari tal-Fondazzjoni huwa li tipprovdi kelb ta’ servizz lil kull min jista’ potenzjalment jibbenefika minn wieħed. Sostna li t-taħriġ u ż-żamma ta’ kelb tas-servizz jiswa lill-Fondazzjoi sa’ €15,000.

It-taħriġ ta’ Quincy kien sponsorjat mill-Fondazzjoni Salvo Grima, li ospitat iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ Quincy fil-bini tagħha.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Fondazzjoni Service Dogs Malta tista’ iżżur il-websajt tagħhom jew ċempel lil PR Jo Cremona fuq 79049675.