Il-komunità tal-futbol f’Malta qiegħda tibki t-telfa tar-referee Charles J. Scerri li miet illum fl-età ta’ 78 sena.

Scerri qatta’ 50 sena jiddedika ħajtu għall-futbol.

Scerri kien referee tal-FIFA fis-sebgħinijiet u tmeninijiet, u ħadem f’partiti li fihom ħadu sehem timijiet bħar-Real Madrid, AC Milan, Juventus u Barċellona. F’Malta, fost ħafna unuri, kien referee f’5 finali tal-FA Trophy. Huwa kien President tal-Kumitat tat-tim ta’ raħlu, Lija Athletic, għal snin twal. Kien ukoll parti minn diversi bordijiet fi ħdan l-MFA.

Il-Malta Football Association (MFA) uriet id-dispjaċir tagħha bil-mewt ta’ Scerri. Il-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, ikkummenta li l-mewt tiegħu timmarka ġurnata ta’ diqa għall-MFA u għall-komunità kollha tal-futbol f’Malta. L-MFA bagħtet il-kondoljanzi tagħha lill-qraba ta’ Charles J. Scerri.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista esprima n-niket tiegħu għat-telfa ta’ Charles J. Scerri, b’mod speċjali għas-servizz li ta fi ħdan il-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Ħal Lija u iktar tard bħala membru attiv ta’ TimSportPN.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata minn Ryan Callus, wassal il-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha li kienu qrib Charles J. Scerri.