Dr Peter Agius, kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, qal li ll-proposta tal-baġit Ewropea għas-snin 2020-2027 tgħid li l-Kummissjoni Ewropea ser tirdoppja l-baġit għall-Erasmus.

”Irridu nkunu preparati biex nisfruttaw il-potenzjal qawwi tal-Erasmus għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema tagħna.” qal Dr Agius waqt żjara fl-iskola tas-Sannat Għawdex.

Agius spjega wkoll kif fi Brussell qed isemmu l-proġett Erasmus li sar fis-Sannat Għawdex bħala best practice għall-Ewropa kollha.

”L-iskola primarja tas-Sannat u l-progett ‘Dealing with Autism in Gozo’ huwa tieqa fuq il-futur tal-Erasmus u l-potenzjal straordinarju tiegħu għall-iskejjel Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett, bis-saħħa tal-fondi Ewropej, u b’inizjattiva diretta tal-għalliema nfushom, għen biex il-familji bi tfal bl-awtiżmu jkollhom l-għajnuna meħtieġa.”

Bħala parti mill-programm Erasmus kull sena madwar 400 żgħażugħ Malti jagħmel parti mill-istudji barra minn Malta. Erasmus ifisser ukoll li madwar 80 għalliem Malti jmorru għal esperjenza barra minn Malta.  Iżda skont Peter Agius l-Erasmus għandu potenzjal ħafna akbar għal Malta.