Valletta saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 10-1. Il-Beltin kienu qed jirkupraw il-logħba li kellhom nieqsa fil-kampjonat minħabba l-wirja tagħhom fil-UEFA Futsal Champions League.

Permezz ta’ dan ir-riżultat pożittiv, Valletta rnexxilhom jirbħu l-logħob kollha tal-ewwel rawnd u issa jinsabu fl-ewwel post b’27 punt. Fit-tieni post insibu lil Luxol li għandhom 24 punt, Swieqi United b’21 punt, Birkirkara bi 18-il punt, it-tim tal-Istudenti tal-Università ta’ Malta bi 15-il punt u Tarxien Rainbows bi 12-il punt. Iktar ‘l isfel fil-klassifika nsibu lil Pietà Hotspurs li għandhom disa’ punti segwiti mill-UM Futsal Academy, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United u t-tim ta’ taħt id-19-il sena ta’ Luxol li għandhom tliet punti biss.