Il-kumpanija Amerikana Walmart beħsiebha tkompli tippersisti fil-battalja tagħha kontra Amazon biex matul is-snin li ġejjin, tipprova taqlibha lill-ġgant dinji fis-servizzi ta’ xiri onlajn. F’Mejju ta’ din is-sena, Walmart xtrat ishma mill-kumpanija Indjana Flipkart għas-somma ta’ $16-il biljun. Flipkart titqies bħala waħda mill-ikbar kumpanija ta’ xiri u bejgħ onlajn fl-Indja. Il-ħsieb ta’ Walmart kien li permezz ta’ din il-mossa ssaħħaħ l-esperjenza tagħha fit-teknoloġija u fl-istess ħin tkabbar is-suq tagħha fl-Indja.

Iżda mal-aħbar tal-akkwist ta’ Flipkart, l-ishma ta’ Walmart tilfu 4% minħabba li l-investituri wrew it-tħassib li din il-mossa tista’ tkun riskjuża għall-futur tal-kumpanija. Minkejja kollox, Walmart żiedet l-akkwist ta’ Flipkart minn 77% għal 81.3% matul l-aħħar xhur. Walmart sostniet il-fiduċja tagħha fuq iċ-ċifri ta’ tkabbir li huwa mbassar fil-bejgħ onlajn fl-Indja. Rapport ta’ ċifri tal-gvern Indjan jindikaw li s-suq tal-e-commerce fl-Indja mistenni jlaħħaq il-$200 biljun fit-tmien snin li ġejjin, bi tbassir ta’ iktar tkabbir sal-2034 tant li mistenni jaqbeż is-suq Amerikan u jeħodlu postu bħala t-tieni l-ikbar suq ta’ e-commerce fid-dinja.

Fi kliem is-CEO ta’ Walmart, Doug McMillon, l-akkwist ta’ Flipkart huwa kruċjali fit-tisħiħ tal-operat tal-kumpanija b’ambizzjonijiet globali. Skont Il-Viċi President u l-Kap tat-Teknoloġija ta’ Walmart Jeremy King, Flipkart għandhom għadd ta’ sistemi onlajn innovattivi li bihom il-kumpanija tista’ tiżviluppa u tkabbar l-operat tagħha.

GlaxoSmithKline u Pfizer fi ftehim li se jiġġenera kważi 13-il biljun f’bejgħ ta’ mediċini

Il-kumpanija tal-farmaċewtika GlaxoSmithKline ħabbret li se tkun qed taqsam il-kumpanija fi tnejn hekk kif intlaħaq ftehim ta’ joint venture ma’ Pfizer. Iż-żewġ naħat ftehmu li l-kumpanija l-ġdida li se tinħoloq tkun reġistrata fis-suq tal-ishma u jkollha kontroll ta’ 68% minn Glaxo. Mal-aħbar ta’ din id-deċiżjoni, l-ishma tal-kumpanija Ingliża ssaħħu b’7.8% fis-suq ta’ Londra, l-ikbar tisħiħ li esperjenzat fl-aħħar 10 snin.

Dan il-ftehim se jkun qed joħloq l-ikbar provditur ta’ mediċini magħrufa bħala over-the-counter, bħalma huma mediċini kontra l-uġigħ, filwaqt li l-kumpaniji l-antiki se jkomplu jiffukaw fuq mediċini li jingħataw b’riċetta tat-tabib.

Għal Pfizer din il-mossa se tkun tfisser tkabbir importanti għall-kumpanija, għaliex kienet meqjusa bħala żgħira wisq biex tiflaħ għal kompetizzjoni ħarxa f’dan is-settur.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net. 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.