Tifla ta’ ħames snin qed issegwi l-ħolma tagħha billi tbigħ srievet bl-arti li tpinġi hi stess u fl-istess waqt tagħti l-flus lill-Malta Communitu Chest Fund Foundation għal nies fi bżonn.

Eliza Portelli, li tiġi bint is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ddisinjat mas-600 sarvetta li jekk jinbigħu kollha tagħti s-somma ta’ €2,000 lill-fondazzjoni li tgħin bosta persuni vulnerabbli u li qed ifittxu trattamenti għall-mard tagħhom, fost servizzi oħrajn.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Farrugia Portelli spjegat li fl-aħħar jiem spiċċat segretarja, delivery person u kaxxiera ta’ bintha. Irrakkuntat kif is-sajf li għadda kienet l-Irlanda ma’ bintha u daħlet f’ħanut sabiex tixtri s-srievet u xi affarijiet oħra. Qalet kif Eliza qabdet sarvetta f’idha u stqarret li hi kienet kapaċi tagħmel srievet aħjar u isbaħ minn dawk li kien qed ibigħ il-ħanut.

Farrugia Portelli spjegat li bintha ħolmot li toħloq il-kollezzjoni tagħha u l-flus li tiġbor tgħaddihom lill-President ta’ Malta. Jidher li issa fadlilha biss madwar 100 sarvetta xi tbigħ.

Intant, fuq post separata l-President Marie-Louise Coleiro Preca faħħret l-inizjattiva ta’ Eliza u insistiet fuq l-importanza li l-valur tas-solidarjetà jibda minn età żgħira. Qalet ukoll li se tkun qed tilqa’ lil Eliza u lil sħabha tal-klassi fil-Palazz ta’ San Anton sabiex tirringrazzjaha personalment tal-ġest nobbli tagħha biex tgħin lill-MCCFF.