Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono semmiet kif għadd ta’ klijenti ta’ Satabank għad m’għandhomx aċċess għal flushom u dan sostniet b’dannu kbir għan-negozji tagħhom.

F’isem il-Partit Nazzjonalista, Debono spjegat li wħud minn dawk il-klijenti għandhom ammonti sostqnzjali ta’ flus fil-bank li spiċċaw ma jistgħux jużawhom. Sostniet li dawn ma għandhomx ħjiel ta’ meta jistgħu jerġgħu jieħdu aċċess ta’ flushom. Insistiet li dawn huma negozji leġittimi li investew f’Malta u jixtiequ jkomplu jinvestu fil-pajjiż. Madanakollu spjegat li sawn qed iħossuhom “ostaġġi ta’ sitwazzjoni li l-awtoritajiet mhumiex jimmaniġġjaw tajjeb.”

Debono rrimarkat li huwa evidenti li l-assigurazzjoni li ngħatat l-MFSA dwar il-kriżi ta’ Satabank ma tistax tittieħed bis-serjetà u mhix kredibbli. Insistiet li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar negozji qed iħossuhom frustrati li għadhom qatt ma ġew ikkuntattjati minkejja li l-MFSA qalet lil-klijenti kollha ġew ikkuntattjati.