Xi abbatini Maltin intalbu jassistu lill-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa tal-Milied fil-Vatikan.

Għall-ewwel darba l-Għaqda tal-Abbatini Maltin ġiet mitluba mill-Preseminarju tal-Vatikan biex fil-Milied tibgħat abbatini Maltin jaqdu fil-Quddiesa li ssir fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Dun Frans Bonnici, direttur tal-Għaqda Abbatini Maltin laqa’ bil-ferħ din l-istedina u hekk ukoll l-abbatini u l-ġenituri tagħhom.

Grupp ta’ abbatini bħalissa qegħdin fil-Vatikan għas-servizz liturġiku u nhar il-Ġimgħa grupp ieħor jmur il-Vatikan għall-ġranet ta’ qabel u wara l-Ewwel tas-Sena.

Fil-lejl tal-Milied l-abbatini kienu preżenti għall-quddiesa ta’ nofsillejl u lejlet l-Ewwel tas-Sena l-abbatini Maltin se jieħdu sehem fil-Għasar li jagħmel il-Papa b’ringrazzjament lil Alla għas-sena li tkun għaddiet.