Għadd ta’ parteċipanti li qegħdin jilbsu tal-era Rumana bħala parti minn Dar Betlehem f’Għajnsielem tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u qalu li l-mirakli jsiru kuljum, u huma qegħdin jgħinu biex ikomplu jsiru billi jiġbru l-flus għall-missjoni.

Wieħed mill-parteċipanti qal li l-Maltin aktar jassoċjaw l-era Rumana mal-Ġimgħa l-Kbira, imma grazzi għal din l-inizjattiva, qed issir promozzjoni tal-era Rumana fi żmien it-twelid ta’ Kristu wkoll.

Fost in-nies li kellmuna kien hemm nisa li kienu qegħdin jgħinu lill-pubbliku jidħol aktar fl-atmosfera billi jħalltu l-frott għal riħa pjaċevoli.

Il-parteċipanti jvarjaw minn kbar li ilhom jieħdu sehem f’din l-inizjattiva għal 5 snin sa tfal li din hija l-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni tagħhom. Fost il-parteċipanti, hemm ukoll nies ta’ nazzjonalità barranija.

Il-flus li jinġabru f’Dar Betlem imorru għall-missjoni ta’ Dun Ġużepp Camilleri fil-Gwatemala.