Dar f’Ħad-Dingli rebħet il-premju tal-aktar dar imżejna sabiħ fil-lokalità.
Michael Portelli, ir-rebbieħ ta’ din l-ewwel edizzjoni, qal li l-faċċata fiha madwar 3,400 bozza u ddum tintrema madwar ħamest ijiem.
Portelli qal li dejjem iħobb iżid xi ħaġa ġdida fit-tiżjin, u għas-sena d-dieħla hemm ippjanati numru ta’ affarijiet ġodda, minkejja li r-riħ li jaħkem id-dar f’Diċembru jillimitah daqsxejn.
Huwa stqarr li beda jieħu ideat ta’ kif jista’ jżejjen mid-dar magħrufa għat-tiżjin tagħha fin-Nadur.

Audrey Galea, il-President tal-Għaqda Talent Dingli qalet li din il-kompetizzjoni bdiet issir biex ikun hemm iżjed motivazzjoni għat-tiżjin.

Għal din il-kompetizzjoni nkitbu 6 idjar u appartamenti b’kollox. 5 membri tal-ġurija marru fuq il-post u użaw sistema ta punti li tqassmu hekk: 5 punti għal min uża affarijiet riċiklati jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. 20 punti għall-artistrija u armonija, 15-il punt għall-oriġinalità, 15-il punt għall-arranġament, 10 punti għat-tema, 15-il punt għas-simetrija u proporzjon, 20 punt għal impatt ħolistiku, li b’kollox jammontaw għal 100 punt.

Kull ġurat ta l-punti tieghu u fl-aħħar ingħaddu kollha flimkien. Fit-3 post, b’352 punt, ġiet id-dar tas-Sur Rodney Scerri. Fit-2 post, bi 378 punt ġiet id-dar tas-Sinjuri Fenech. U fl-ewwel post bi 389 punt, ġiet id-dar tas-Sinjuri Portelli li tinstab fi Triq Ċensa Spiteri.
Ir-rebbieħa kollha ħadu trofew u bosta rigali mingħand is-sidien tal-ħwienet Dinglin.