Waqt li kien għaddej b’xogħlu, Omar Rababah, social worker u attivista għad-drittijiet tal-bniedem, esperjenza xi ħaġa mhux tas-soltu. Omar kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li waqt li kien qiegħed ma’ familja jixtri u marru biex isarrfu l-vawċers li ngħataw permezz tal-inizjattiva Children’s Dreams, tal-ħanut aċċetta wieħed biss.

Omar qal li biex setgħu jagħmlu x-xirja kollha, din il-familja kellha bżonn żewġ vawċers iżda dawn kienu differenti minn xulxin u ma setgħux jissarrfu fl-istess xirja. Huma kellhom iroddu lura nofs ix-xirja iżda kienet se tkun diffiċli hekk kif warajhom kellhom kju twil ta’ nies li kienu qed jistennew biex iħallsu.

Il-persuna li kienet qabilhom indunat b’dak li ġara u ħarġet €50 u tagħtielhom biex jużawha. Omar qal li ried jagħtiha l-vawċer li kellu ta’ €50 biex tal-inqas jiġu indaqs, iżda din il-persuna ma riedet xejn lura. Fuq il-paġna ta’ Facebook, Omar faħħar lil din il-persuna tal-ġest tant nobbli li għamlet u qal li din għamlet att ta’ karità bla daqq ta’ trombi.